Il-coach Spanjol, Marcelino, ħa f’idejh lit-team tal-club Franċiż, Marseille, biss f’Ġunju, iżda telaq wara li allegatament il-partitarji heddew il-ġerarkija tat-team waqt laqgħa bejn il-gruppi tal-partitarji u l-istaff tal-club nhar it-Tnejn.
Kelliem tal-club sejħilha “sitwazzjoni deplorevoli” lejlet il-konfront tal-Europa League ma’ Ajax.
Il-partitarji ta’ Marseille wrew id-dispjaċir tagħhom bit-tattiċi ta’ Marcelino waqt id-draw ta’ 0-0 tal-Ħadd ma’ Toulouse.
Fi stqarrija, il-club qal: “Il-club kollu jinsab diżappuntat immens li kellu jindirizza t-tluq tal-coach u l-istaff tekniku, li waslu biss f’Marsilja fit-23 ta’ Ġunju u kienu mpenjati bis-sħiħ mal-club, għal raġunijiet mhux sportivi.”
Madankollu, gruppi ta’ partitarji ċaħdu li sfurzaw lill-coach ‘il barra mill-club.
“Fl-ebda ħin ma għamilna theddid ta’ mewt jew tlabna għar-riżenja ta’ Marcelino,” qalu Rachid Zeroual u Christian Castaldo, kapijiet rispettivi tal-gruppi ta’ partitarji South Winners u Dodgers.
Marseille jinsabu fit-tielet post f’Ligue 1 u jinsabu bla telfa fil-ftuħ tal-ħames logħbiet tal-kampjonat, fejn rebħu tnejn u fit-tlieta l-oħra spiċċaw draw.
Iżda huma ġew eliminati bla mistenni fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League mill-club Grieg, Panathinaikos.
Id-direttur sportiv ta’ Marseille u l-eks midfielder ta’ Plymouth u Nottingham Forest, David Friio, ħa r-responsabbiltá b’mod temporanju għal-logħba tal-bieraħ f’Amsterdam, flimkien mal-coach tal-ewwel team, Jacques Abardonado.
Brighton u AEK Athens jinsabu wkoll fil-grupp ta’ Marseille, bis-Seagulls se jmorru Franza fil-5 ta’ Ottubru.