Il-coach ta’ Chelsea, Graham Potter, stqarr li għadda minn tbatijiet ta’ saħħa mentali wara li hu u l-familja tiegħu rċevew abbuż anonimu hekk kif bħalissa t-team għaddej minn kriżi ta’ riżultati.
Il-Blues rebħu biss tnejn mill-aħħar 14-il logħba tagħhom fil-kompetizzjonijiet kollha u fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma sfaw megħluba f’darhom bl-iskor ta’ 1-0 minn Southampton li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
Min-naħa tal-club ta’ Chelsea, wera solidarjetá massima u qed joffri kull appoġġ neċessarju lill-familja ta’ Potter.
“Irċevejt bosta emails ta’ mibegħda u fosthom kienu dawk ukoll li riduni mmut.”
L-ex coach ta’ Brighton qal li l-emails anonimi kienu jirreferu wkoll għall-familja tiegħu.
Taħt Potter, li nħatar f’Settembru wara t-tkeċċija ta’ Thomas Tuchel, Chelsea rebħu biss disgħa mill-25 logħba tagħhom.
“Kulħadd għandu jimmaġina u jkun konxju kif kienet il-ħajja għalija u għall- familjari tiegħi. Ma kienet xejn pjaċevoli,” żied jgħid Potter.
“Jekk wieħed imur għax-xogħol u jirċievi kull xorta ta’ abbuż, is-sitwazzjoni xejn ma tkun waħda komda.
“Peró tista’ tindirizza din il-problema b’żewġ modi.
“Jew tgħid li ma jimportakx mis-sitwazzjoni … iżda tkun taf li qed taħrab minn din il-problema … għax kulħadd jimportah x’jaħsbu n-nies fuqu minħabba li aħna kollha konnessi ma’ xulxin soċjalment.
“Min-naħa l-oħra trid tkun sod għall-familja tiegħek u dan l-abbuż anonimu u mibegħda ma tħallihomx jaffettwaw il-ħajja tal-familja tiegħek. Fil-veritá hija diffiċli iżda bil-persistenza kollox jista’ jsir,” temm jgħid Potter.