Sunday, December 22, 2024

Il-coach ta’ Franza Didier Deschamps jgħid li din it-telfa kienet wisq krudili

Aqra wkoll

Il-coach ta’ Franza, Didier Deschamps, qal li l-mod kif it-team tiegħu tilef il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Ħadd kontra l-Arġentina kien wisq “krudili” wara li rkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals u reġgħu kisbu d-draw wara li sofrew it-tielet goal … biex imbagħad kellhom iċedu għall-għoti tal-penalties. 

“Ma konniex daqshekk tajbin fl-ewwel 60 minuta kontra avversarji tal-aqwa kwalità li kellhom ħafna aktar enerġija, iżda ġejna lura minn imkien u dawwarna l-logħba minn sitwazzjoni diffiċli ħafna. Dan iħallilna b’dispjaċir akbar,” qal Deschamps li kienu qed jimmiraw li jsiru t-tielet team li jżommu t-titlu wara l-Italja (1934, 1938) u l-Brażil (1958, 1962).

Kylian Mbappe skorja darbtejn f’żewġ minuti biex kiseb id-draw ta’ 2-2 u mbagħad fil-ħin barrani reġa’ għamel l-iskor indaqs għal 3-3 … u proprju fl-aħħar sekondi tal-logħba, is-sostitut Randal Kolo Muani ġie mċaħħad mill-goal rebbieħ meta minn taħt il-lasti ra lill-goalkeeper, Emiliano Martinez, iwettaq miraklu … biex imbagħad l-Arġentini rebħu 4-2 bl-għoti tal-penalties. 

“Kellna ċ-ċans li nirbħu t-Tazza tad-Dinja fl-aħħar minuta iżda ma kellux ikun,” qal il-coach Franċiż.

“Li kienu tlifna 2-0 ma kienx ikun hemm l-istess dispjaċi. 

“Ma rrid inneħħi l-ebda mertu tal-Arġentina iżda kien hemm ħafna u ħafna emozzjonijiet u kienet wisq krudili għax fl-aħħar mumenti stajna skorjajna l-goal tar-rebħa.”

Deschamps stqarr li l-virus li bih kien affettwati diversi players fixkel it-tħejjija għal din il-finali.

“Kien hemm ħafna raġunijiet għaliex ma konniex fl-aqwa tagħna. Diversi players importanti kellhom inqas enerġija iżda l-players żgħażagħ li daħlu jilagħbu qamu għall-okkażjoni għax permezz tagħhom bqajna noħolmu. 

“Iżda sfortunatament il-ħolma ma saretx realtà.”

“L-iskwadra kollha kellha tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli. Dan kellu impatt fiżiku jew psikoloġiku? Forsi, ma nafx,” qal Deschamps, li kien jittama li jsir l-ewwel coach li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja darbtejn mindu t-Taljan Vittorio Pozzo fis-snin tletin. 

Ekonomija

Sport