Monday, November 24, 2025

Il-Commandos Eġizzjani ġew l-Isptar biex joqtlu lil Rezaq …wieħed minnhom daħħalli l-arma ‘taħraq’ li kellu ma’ ħalqi għax waqqafthom

Aqra wkoll

Bħal lum erbgħin sena ilu seħħ wieħed mill-aktar ħtif ta’ ajruplani mdemmija. Għadd ta’ persuni kellhom esperjenzi differenti ta’ din il-ġrajja. Min kien għassa mal-ajruplan, oħrajn fit-Torri tal-Kontroll. Oħrajn ġabru lil dawk li inqatlu. Fl-isptar imbagħad tobba u infermieri b’esperjenzi mal-feruti. Wieħed minn dawk li kellu esperjenza xejn pjaċevoli kien l-Ispeaker Anglu Farrugia. 

Dakinhar hu kien iservi bħala Spettur Anzjan fid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali. Meta tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “dak li  ġara kien li waqt li kien hemm negozjati u sar l-attakk minn Commandos Eġizzjani u sar li sar, ġie messaġġ urgenti biex jien inmur l-Isptar San Luqa, nara li d-Dipartiment tal-Emerġenza ikun protett bis-sigurtà, li kont responsabbli minnha jien biex ma jidħol ħadd ħlief dawk li kienu ġejjin bħala feruti.”

Ikompli jgħid li “ġara li kien ftit wara li bdew deħlin il-feruti, li ġew il-Commandos Eġizzjani u jien ma ħallejthomx jidħlu. Kienu bl-armi. Wieħed minnhom ma riedx jemmen li jien kont uffiċjal tal-Pulizija jew li qed nagħtih l-ordni.  Daħħalli l-arma li kellu ma’ ħalqi, liema arma kienet għadha taħraq. Filfatt domt ħafna b’ħalqti bi ħruq fih. Kien hemm ġurnalist Lebaniż dak il-ħin preżenti u Dr Anthony Abela Medici li qalulu li jien kont uffiċjal tal-Pulizija . Jien bdejt inkellmu bl-Għarbi u ma ħadnix bis-serjetà. Jien kont naf l-Għarbi għax kien jiġi jgħallimhulna Alfred Żerafa. Huma ċedew x’ħin indunaw li verament konna Pulizija.  Il-Commandos Eġizzjani, ġew biex jidħlu fl-Isptar San Luqa biex isibu lil Ali Rezaq, u joqtluh. Dak il-ħin hu kien għadu qed jiġi operat mill-Professur Victor Sultana.

Ovvjament is-sitwazzjoni ikkalmat, telqu u wara kellna argument mal-Ġeneral li kien responsabbli dwar il-fatt li huma kien ġew fl-Isptar San Luqa  meta ma kellhomx jiġu għax huma kellhom jintervjenu biss fuq l-ajruplan. Jien għamilt xi ġranet niddewwa minħabba ħruq ma’ ħalqi għax kien laħaq għamilli l-armi imma ma ġibitx il-grillu għax kieku mhux hawn nitkellem miegħek”.

Nistaqsuh dwar il-fatt li l-arma kienet għadha taħraq ifissirx li din kienet intużat fl-attakk fl-ajruplan, Dr. Farrugia iwieġeb li “probabbli għax  kull ma kien hemm bejn l-attakk u x’ħin ġew l-isptar kien xi  nofs siegħa biss.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport