Thursday, December 26, 2024

IL-CORONAVIRUS … STATISTIKA U NUMRI MARBUTIN MAGĦHA

Aqra wkoll

Dr Vincent Marmara – espert tal-istatistika ewlieni f’Malta, jitkellem rigward l-imxija tal-coronavirus u l-istatistika u n-numri abbinati magħha

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-istatistika u n-numri?

Nista’ ngħidlek li minn mindu kont żgħir kienet togħġobni l-matematika. Kont dilettant ħafna tal-istatistika u tan-numri u kif wieħed jista’ jesplora possibbiltajiet biex dawn jagħtuk ċertu informazzjoni. 

Bqajt għaddej b’kors fl-università fuq statistika. Ridt noħloq matematika xi ftit attwali li minnha wieħed jista’ jaħseb fil-fond dwar ċerti riżultati u jinterpretahom b’ċertu mod. Fl-2006 għamilt it-teżi tiegħi fuq informazzjoni li tislet minn surveys u li mir-riżultati kapaċi tanalizza r-riżultat. 

Jien bniedem li apparti li togħġobni l-istatistika, inħobb nidħol fid-dettall. Eżempju ta’ dan nipprova nbassar x’fehma kellu dak l-individwu partikolari li rrifjuta li jwieġeb is-survey. 

Jien komplejt nimraħ u segwejt kors tal-masters fl-Università ta’ Sheffield fejn ħarist ukoll lejn statistika medika. Din it-tip ta’ statistika tgħin lil ħafna nies direttament u minnha toħroġ ħafna informazzjoni utli. 

Kelli ċ-ċans ukoll li nagħmel dottorat fl-Università ta’ Sterling fejn hemmhekk iffukajt fuq l-epidemoloġija. Hawnhekk id-dettall ikun mirqum sew u dan jagħti stampa ċara dwar xi epidemiji li jeżistu bħal f’dan il-każ li qed nesperjenzaw bil-COVID-19.

Int għamilt ċertu tbassir f’surveys politiċi u tassew lqatt il-musmar fuq rasu. 

Iva jien napplika ċerti mudelli partikolari li użajt ukoll fit-teżi li għamilt 15-il sena ilu. Din kienet l-ewwel waħda tiegħi u bassart ir-riżultat tal-elezzjonijiet li ġew wara dak il-perjodu. Iktar ma beda għaddej iż-żmien aktar bdejt nirfina fil-metodi tiegħi. 

Naħseb l-iktar metodu preċiż li użajt kien fis-sena 2017 meta kien hemm l-elezzjoni ġenerali. Sa dak iż-żmien analizzajt surveys li saru fl-elezzjonijiet tal-kunsill lokali, tal-parlament Ewropew u referenda li saru. Jien inħobb naġġorna kull erba’ xhur survey partikolari sabiex ikolli stampa ċara dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż u l-fehma tan-nies. 

X’mudelli tuża’ sabiex tikseb riżultati uniċi?

Dawn huma mudelli xjentifiċi apposta msejħa Beijen Technique. Hawnhekk ma nħarsux lejn numri biss iżda wkoll naraw fil-fond parti mill-popolazzjoni li rrifjutat u x’setgħet wieġbet kieku pparteċipat fis-survey. Kif għedtlek trid tanalizza fid-dettall u toħroġ informazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar taf tkun determinanti kieku t-tali persuna vvutat fl-elezzjoni partikolari. 

Nitkellmu dwar l-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista li saret dan l-aħħar bejn Chris Fearne u Robert Abela. Hawnhekk kellek ammont ta’ nies li kienu indeċiżi lil min se jivvutaw jew inkella ma għażlu li ma jipparteċipawx fis-survey.  Kif interpretajt l-istatistika li ħarġet mis-surveys u fuq kollox ir-riżultat finali?

Din li semmejt kienet elezzjoni partikolari ħafna. Kellek ħafna  fatturi li kkaraterizzawha minħabba li ħafna għażlu li ma jirrispondewx is-surveys li saru. L-ebda sondaġġ fuq kollox ma jagħti riżultati ċari għalkemm rajt li ħareġ studju interessanti mill-informazzjoni li nġabret. 

“In-nies għandhom ifittxu informazzjoni fattwali u mhux jaqraw aħbarijiet mimlija affarijiet foloz”

Dr Vincent Marmara

Kif semmejna bħalissa l-COVID-19 qed jiddomina d-dinja minħabba l-firxa kbira li seħħet fid-dinja. Xi studji qed tagħmel fuq din it-tip ta’ epidemija fejn għandu x’jaqsam statistika?

Lura għal madwar 11-il sena ilu wieħed mill-ġurnali internazzjonali l-aktar magħruf bl-isem ta’ Epidemics kien semma’ l-famuża infezzjoni tal-H one in one li wkoll infirxet f’xi partijiet tad-dinja. Dak iż-żmien din il-marda kienet ħolqot għagħa kbir fost kulħadd u xi ftit tal-biża’ kien hemm ukoll. Min-naħa tiegħi interessajt ruħi f’din l-epidemija u ppruvajt noħroġ xi statistika minnha. Peress li kont għadni għaddej bid-dottorat tiegħi kont qed nimmudella statistika fuq l-influwenza komuni tal-istaġun. Ippruvajt inbassar ċerti ċifri f’dan ir-rigward u antiċipajt x’seta’ jiġri bir-rata li kienet qed tinfirex u x’wieħed seta’ jagħmel biex ma tinxteridx iktar. Din l-informazzjoni tgħin ħafna lill-professjonisti mediċi li jkollhom idea ta’ dak li jkun qed jiġri partikolarment bin-numru ta’ persuni infettati. Dan jgħodd ukoll għal dan il-fenomenu li għandna bħalissa, dak tal-COVID-19. 

Semmejna l-infezzjonijiet. Liema hi l-aktar waħda perikoluża l-influwenza jew il-COVID-19?

Bla dubju li l-COVID-19 hi l-iktar waħda perikoluża. Ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-COVID-19 hi aktar kbira filwaqt li fil-perjodu ta’ inkubazzjoni tiegħu kapaċi jitrasmetti dan il-virus lil ħaddieħor. Din nistgħu nqisuha bħala pandemija kkumplikata u li fiha hemm perjodu twil sakemm tfiq għalkollox. 

Mela kif qed nifhem sew hawnhekk għandna żewġ fatturi partikolari li huma l-perjodu ta’ inkubazzjoni u r-rata tar-riproduzzjoni hux hekk?

Dawn huma żewġ fatturi li jidħlu f’kull mudell matematiku li minnu nużaw teknika sabiex inbassru x’jista’ jiġri. 

Eżempju meta tinbidel ir-rata ta’ riproduzzjoni, din tista’ tvarja fil-firxa tal-virus mal-popolazzjoni. Pajjiżi oħra għandhom rata ta’ riproduzzjoni għolja ħafna u s-sitwazzjoni xejn m’hi sabiħa. B’xorti tajba aħna bħala pajjiż m’aħniex f’din is-sitwazzjoni anke minħabba l-fatt li l-awtoritajiet konċernati ħadu l-miżuri neċessarji sabiex inaqqsu l-firxa ta’ dan il-virus bejn il-persuni f’Malta. 

Minkejja kollox ikun żball jekk nirrilassaw jew nillaxkaw għax ir-rata ta’ infezzjonijiet tal-Coronavirus jista’ jiżdied jekk ma noqogħdux attenti. 

Din l-aħħar sentenza li għedtli tgħodd l-iktar għall-pajjiżi bħal Spanja u l-Italja li donnhom ma sabux irkaptu tas-sitwazzjoni fejn għandu x’jaqsam COVID-19?

Jekk tikkumpara dawn il-pajjiżi li semmejt ma’ oħrajn, wieħed jinduna li hemm rata aktar għolja ta’ riproduzzjoni tal-virus. Eżempju fl-Italja hemm l-aktar rata għolja ta’ Coronavirus li qed tinxtered mal-popolazzjoni li qed tħalli ħafna vittmi. Malta għandha rata inqas minn dawn il-pajjiżi għax ilqajna minn qabel għal din il-pandemija.

Kif għedtlek wieħed m’għandux iserraħ rasu b’dawn il-figuri minħabba li l-figura tista’ tinbidel jekk ma noqogħdux attenti. 

Pajjiż li jantiċipa dak li jkun se jiġri kapaċi jnaqqas din it-trasmissjoni. Għalhekk inkomplu nisħqu li d-distanza soċjali hi ferm importanti. Aħna hekk irridu sabiex in-numru jibqa’ nieżel. 

Madankollu taħseb li lħaqna l-qofol ta’ dan il-virus?

Jista’ jkun li ma jkollniex il-qofol ta’ dan il-virus. Pajjiżi oħra laħqu sew il-qofol tal-Coronavirus tant li ħalla warajh diversi vittmi. Madankollu wieħed irid jara jekk jirnexxielhomx iżommu l-kontroll. Dan jiddependi biss jekk il-poplu jobdix jew le. Għalhekk komplejna nisħqu fuq id-distanza soċjali.

S’issa ma kienx hemm imwiet f’pajjiżna. Bla dubju li dan hu fattur pożittiv hux hekk?

L-ewwel u qabel kollox ngħid li m’għandniex nallarmaw ruħna b’dak li nisimgħu. Dejjem noqogħdu attenti li nisimgħu sorsi ta’ min jorbot fuqhom għax sfortunatament qed naraw anke aħbarijiet foloz. 

Li nista’ ngħid ukoll hu li l-Coronavirus idum ftit ma jgħaddi. Il-fatt li kif għedt int ma kellniex imwiet jindika li mexjin fit-triq it-tajba. 

Qed ninnutaw li persuni li ġejjin mill-Afrika jew ir-Russja mhux qed ikollhom dawn is-sintomi. Kif tiddeskrivi din il-biċċa tax-xogħol?

Ħa ngħidu hekk. Is-sistema ta’ kif jirrappurtaw il-każijiet tagħhom tidher li hi ferm differenti minn tagħna. Wieħed m’għandux jifhem li ma jeżistux każijiet għax kif smajna dan il-virus jista’ jidħol f’kulħadd. 

Iżda hemm xi etajiet partikolari li jistgħu jiġu effettwati? Veru li t-tfal ftit ġew effettwati?

Ifhem li hu żgur hu li l-medja ta’ nies li jmutu b’dan il-virus hi dik ta’ 78 sena. Dawn il-persuni jaf ikollhom kundizzjonijiet bħal dijabete, affarijiet relatati mal-qalb u oħrajn. B’hekk jekk jaqbadhom dan il-virus jafu jmutu. 

Taħseb li l-COVID-19 jista’ jeffettwa d-demografija tal-pajjiż?

Jekk ikun hemm kontroll il-Coronavirus m’għandux jeffettwa lil pajjiżna. F’pajjiżi oħra, l-affarijiet iggravaw aktar u aktar u qed teffettwa l-aktar persuni anzjani. 

Il-World Health Organization (WHO) stqarret li Malta hi waħda mill-pajjiżi li addottat metodi fundamentali sabiex trażżan dan il-virus.

Din hi xi ħaġa li timlina b’kuraġġ kbir li dak li qed nagħmlu qed jiġi rikonoxxut anke internazzjonalment. Ovvjament ma nistgħux nirrilassaw ruħna u rridu nkomplu ndaħħlu l-miżuri neċessarji sabiex nikkumbattu dan il-virus. 

Nixtieqek tgħaddi l-messaġġ u forsi l-pariri tiegħek lill-qarrejja li qed jaqraw din l-intervista.

L-ewwel li ngħid hu li n-nies għandhom ifittxu informazzjoni fattwali u mhux jaqraw aħbarijiet mimlija affarijiet foloz. Għalkemm qed naraw riżultati inkoraġġanti, m’għandnix nirrilassaw u nibqgħu nsegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Ekonomija

Sport