L-Arċisqof Scicluna jsellem il-memorja tal-vittmi tal-Covid-19
Minn Anthea Cachia
F’Jum il-Mejtin, l-Arċisqof ta’ Malta il-Monsinjur Charles Scicluna ddedika quddiesa fl-Addolorata bħala tifkira għal dawk kollha li ħallew din id-dinja u b’mod partikolari din is-sena lil dawk kollha li tilfu ħajjithom kawża tal-Covid-19.
Saħaq li jekk din il-pandemija m’għallmitna xejn, “għallmitna kemm aħna dgħajfin, kemm ħafna drabi nintilfu wara l-frugħa u kemm hemm affarijiet tassew għeżież.”
Żied jgħid li għalmitna wkoll l-umiljazzjoni tal-mewt u kemm kienet diffiċli aktar għall-qraba li tilfu ‘l xi ħadd ghażiż minħabba l-protokolli u infurzar marbuta mad-dfin tal-persuni milquta. “M’hemmx biss il-qsim il-qalb tat-telfa imma hemm ukoll il-qsim il-qalb ta’ min jixtieq jesprimi n-niket tiegħu u ma jistax,” qal l-Arċisqof Scicluna.
Fl-aħħar tal-omelija tiegħu temm billi jgħid li f’isem il-poplu Malti kollu jixtieq li jwassal il-vicinanza, is-simpatija u l-kompassjoni mal-ħbieb u qraba li tilfu ‘l xi ħadd bil-Covid-19.
Wara ċ-ċerimonja, l-Arċisqof żar u bierek l-oqbra kollha fi ħdan iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u wara ingħaqad mal-qraba tal-vittmi tal-Covid-19 fejn bierek l-oqbra tagħhom ukoll.