Il-virus tal-Covid-19 qed ikompli jinfirex dejjem aktar fost il-grupp ta’ dawk viċin il-President Amerikan Donald Trump, bil-konsulent tal-White House Stephen Miller u uffiċjal għoli militari jirriżultaw pożittivi għall-virus.
Miller kien jinsab f’iżolament għal dawn l-aħħar ħamest ijiem, u lbieraħ ikkonferma li rriżulta pożittiv għall-coronavirus.
Intant il-Ġeneral Mark Miley, flimkien ma’ mexxejja oħrajn militari wkoll jinsabu fi kwarantina wara li l-uffiċjal tal-Gwardja tal-Kosta, l-Ammirall Charles Rey, irriżulta pożittiv.
Fi stqarrija, Miller qal li kien irriżulta negattiv kuljum sal-bieraħ, fejn żied li għaldaqstant issa jinsab fi kwarantina.
Miller, li jikteb id-diskorsi tal-President, huwa magħruf għall-pożizzjoni iebsa tiegħu dwar l-immigrazzjoni.