Monday, December 23, 2024

Il-Covid-19 iżżid id-defiċit għal €673.4 miljun

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li l-pandemija wasslet għal ekonomija kajmana u l-miżuri li l-Gvern kellu jieħu

Id-defiċit ta’ €673.4 miljun li l-pajjiż għamel bejn Jannar u Mejju kien dovut għall-impatt li l-Covid19 kellha fuq l-ekonomija.

Kien il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li stqarr dan ma’ Inewsmalta wara li ntalab jirreaġixxi għall-imsemmi defiċit li l-pajjiż għamel fl-ewwel ħames xhur tas-sena.

Huwa innota li waqt li d-dħul naqas b’€318 miljun, in-nefqa totali żdiedet b’ b’€288 miljun fl-ewwel ħames xhur tas-sena.

“Dan ir-riżultat kien jirrifletti l-impatt tal-attività ekonomika kajmana u l-miżuri ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa implimentati mill-Gvern sabiex jittaffew l-effetti negattivi tal-pandemija globali fuq il-familji u n-negozji”.

Fl-istess perjodu ġie innutat kif it-tnaqqis fid-dħul rikorrenti irrifletta tnaqqis ta’ €332 miljun fid-dħul mit-taxxa u żieda ta’ €14-il miljun fi dħul li mhux mit-taxxa.

Madwar terz tat-tnaqqis irreġistrat fid-dħul mit-taxxa huwa telf temporanju minħabba l-iskema ta’ differiment tat-taxxa bl-iskema tal-Gvern hija mmirata biex tnaqqas il-pressjonijiet tal-likwidità fuq in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom.

Il-Ministru Scicluna osserva li kin-naħa tan-nefqa dik rikorrenti bejn Jannar u Mejju żdiedet b’€162 miljun bl-ikbar sors ikun infiq fuq programmi u inizzjattivi.

Dan tal-aħħar jirrifletti n-nefqa addizzjonali fuq miżuri tas-saħħa straordinarji, fl-ammont ta’ €100 miljun, flimkien mal-għajnuna tal-Gvern relatata mal-COVID-19 għan-negozji biex isalvaw ix-xogħol. 

Il-miżuri jinkludu suppliment tal-pagi f’ħafna setturi li l-Gvern iggarantixxa self bankarju b’rata ta’ interessi kważi żero.

Ekonomija

Sport