Monday, December 23, 2024

Il-Covid-19 jerġa’ jgħolli rasu… Twissijiet internazzjonali biex inkomplu nilbsu l-maskri

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hekk kif kulħadd qisu warrab it-tħassib u llaxka l-miżuri ta’ prevenzjoni kemm fuq skala nazzjonali, kif ukoll mil-lat personali, il-virus tal-Covid-19 li kkawża pandemija globali b’aktar minn sitt miljun imwiet, reġa’ qiegħed jgħolli rasu u qiegħed jinfirex b’rata mgħaġġla inkluż fl-Ewropa. 

Wara sentejn ta’ biżgħa u inċertezzi b’miżuri ħorox inklużi dawk ta’ lockdowns għal xhur sħaħ, l-attenzjoni fuq skala internazzjonali daret fuq it-theddida ġdida ta’ gwerra li faqqgħet fl-Ukrajna. Iżda, esperti fil-qasam tas-saħħa ħarġu twissja serja li l-għawġ mill-Covid-19 għadu magħna u qegħdin jisħqu fl-importanza li nibqgħu viġilanti u nkomplu nilbsu l-maskri.

“Kull min ma ġiex infettat bil-varjant Omicron, mistenni li jimrad bil-varjant BA.2”. Hekk sostna l-Professur tal-Biokemistrija mill-Kulleġġ Trinity tal-Immonuloġija, Luke O’Neill, wara żieda qawwija fil-każijiet ġodda fl-Irlanda li neħħiet ħesrem ir-restrizzjonijiet imposti biex ma jinxteridx il-Covid-19.

Iż-żieda fl-infezzjonijiet ġodda fil-fatt mhiex irreġistrata biss fl-Irlanda, iżda fl-Ewropa kollha, kif ukoll fil-kontinenti l-oħra. Il-Covid-19, li issa daħal f’225 pajjiżi u territorji, reġa’ żdied b’mod partikolari fl-Ewropa fejn skont “Statista” f’dawn l-aħħar sebat ijiem il-pajjiż li għandhom l-ogħla medja huma l-Ġermanja b’220,000 każ ġdid kuljum; Franza 90,000; u r-Renju Unit b’82,000. 

Dawn huma segwiti minn pajjiż ieħor fl-Ewropa, din id-darba l-Italja b’medja ta’ 70,000 infezzjonijiet ġodda kuljum; il-Brażil 38,000; ir-Russja 35,000; l-Istati Uniti 30,000 u t-Turkija b’20,000. Mill-10 pajjiżi l-aktar milquta l-inqas li rreġistra medja ta’ infezzjonijiet ġodda huwa l-Indja b’2,300. Minn dawn, il-pajjiż li rreġistra l-ogħla medja ta’ mwiet huwa l-Istati Uniti, il-pajjiż li qabeż il-miljun vittma mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19. 

Pajjiż ieħor li jinsab mgħaffeġ bil-każijiet ġodda f’jum wieħed huwa l-Korea t’Isfel fejn il-bieraħ irreġistra xejn inqas minn 395,589 infezzjonijiet ġodda, mentri ċ-Ċina u Hong Kong qegħdin jesperjenzaw l-agħar mewġa li qatt kellhom minn mindu bdiet din il-pandemija. 

L-Awstralja wkoll qiegħda taqla’ daqqa ta’ ħarta mill-Covid-19 fejn irreġistrat aktar minn 60,000 persuni infettati f’jum wieħed. F’Malta s-sitwazzjoni għadha pjuttost taħt kontroll iżda wkoll hemm ċaqlieqa ‘l fuq fil-każijiet ġodda rreġistrati ta’ kuljum. Il-bieraħ l-ammont ta’ każijiet ġodda f’24 siegħa kien ta’ 415. 

Hawnhekk wieħed għandu jirrealizza li mhuwiex lant li nserrħu rasna kompletament li l-pandemija hija problema solvuta. 

“Kull min ma ġiex infettat bil-varjant Omicron, mistenni li jimrad bil-varjant BA.2” – Il-Professur tal-Biokemistrija mill-Kulleġġ Trinity tal-Immonuloġija, Luke O’Neill

BA.2: Jinfirex 30% iżjed mill-Omicron li diġà kien 70% iktar infettiv mill-varjant preċedenti

Il-Professur O’Neill, fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, qal li l-varjant il-ġdid BA.2 jista’ jkun “l-aktar virus infettiv” li qatt rat id-dinja. Huwa spjega li dan il-varjant huwa “oħt l-Omicron” iżda jinfirex aktar malajr u jinsab f’ħafna pajjiżi tant li f’intervista ma’ “RTE” qal li “kważi huwa impossibbli li tiskappah”.

L-espert qal li huwa minnu li l-ġidri r-riħ u l-ħosba jinxterdu bl-amment iżda skont huwa, il-BA.2 huwa agħar. “Dan jinfirex b’rata ta’ 30% iżjed mill-Omicron u dan tal-aħħar kien diġà 70% iktar infettiv mill-varjant preċedenti,” sostna O’Neill. 

Huwa qal li l-“kuruna” tal-virus reġgħet inbidlet, qiegħda taqbad mal-pulmun aktar faċilment u jinfirex aktar. Barra minnhekk, spjega dan l-espert, il-perjodu ta’ inkubazzjoni huwa iqsar u minħabba li jimmultiplika ruħu b’rata mgħaġġla ħafna fil-ġisem, dan jinxtered mill-ewwel. Għaldaqstant l-espert tas-saħħa jemmen li l-BA.2 qiegħed immarrad lil dawk kollha li ma ġewx infettati bl-Omicron. O’Neil qal li, “fi ftit kliem, huwa kważi impossibbli li issa tevita milli tkun infettat bih”. 

Din it-twissija mill-Professur saret wara li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikklassifikat lill-Irlanda bħala wieħed mill-pajjiżi li neħħew b’mod drastiku u mgħaġġel ir-restrizzjonijiet imposti minħabba l-Covid-19 u issa qegħdin jesperjenzaw mewġa ta’ każijiet ġodda. 

Skont id-direttur tal-Ewropa għad-WHO, Hans Kulge, il-Coronavirus żdied f’mill-inqas 18-il pajjiż mill-53 reġjuni fl-Ewropa. F’konferenza tal-aħbarijiet, filwaqt li qal li huwa ottimist iżda viġilanti, Kulge elenka lir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, Franza, l-Italja u l-Ġermanja bħala l-aktar pajjiżi fejn hemm żieda ta’ infezzjonijiet. Hawnhekk huwa speċifika li f’dawn l-istess pajjiżi, l-awtoritajiet neħħew ir-restrizzjonijiet b’mod prematur b’estremitajiet ta’ ħafna għal wisq ftit.

It-tilqim jgħin…

Il-Professur O’Neill fl-intervent tiegħu qal li huwa minnu li l-virus joħroġ qabel iżda l-pazjent ifieq aktar malajr ukoll. Il-problema li jara hija li l-varjant jinfirex aktar malajr u faċilment iżda, “l-aħbar it-tajba hija li hemm il-protezzjoni mit-tilqim ta’ kontra l-Covid-19”. Huwa qal li minn dak il-lat l-Irlanda hija protetta mill-varjant il-ġdid grazzi għall-fatt li r-rata tat-tilqim hija għolja. Dan huwa l-istess fil-każ tal-pajjiżi kollha li kellhom programm ta’ tilqim nazzjonali b’saħħtu.

“Fil-mument Hong Kong għandu l-ogħla rata ta’ mwiet fid-dinja, l-aktar minħabba l-varjant BA.2 u jaħsbu li dan qiegħed iseħħ minħabba r-rata baxxa ta’ tilqim fost il-popolazzjoni. Il-Korea t’Isfel għandha rrata għolja ta’ tilqim u inqas ferm imwiet. Għaldaqstant, it-tilqim għal darb’oħra qiegħed jipproteġina u din hija xi ħaġa pożittiva ħafna għax kieku s-sistemi tas-saħħa jbatu,” spjega dan l-espert.

O’Neill bassar li l-varjant il-ġdid se jilħaq il-quċċata tiegħu f’April u mbagħad mistenni jibda jmajna. Il-parir tiegħu huwa li għall-ġimgħat li ġejjin in-nies għandhom ikomplu jilbsu l-maskri. Huwa spjega li s’issa jidher li l-varjant jinxtered aktar fix-xitwa u fil-bidu tar-rebbiegħa, bħalma jiġri fil-każ ta’ influwenza staġġjonali. 

“Il-virus għadu jiċċirkola u l-maskri jagħtu protezzjoni. Sempliċi. Minkejja li l-BA.2 jinxtered aktar malajr, jekk tilbes maskra u tittrasmetti l-virus, id-doża tkun inqas. Tista’ tinfetta lil xi ħadd xorta jekk tkun liebes maskra imma dik il-persuna tibla’ doża inqas tal-virus u dan ifisser li l-marda tkun inqas severa. Dan jirriżulta f’inqas periklu għall-pazjent u f’inqas pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa,” kompla l-Professur O’Neill.

Huwa qal li mill-esperjenza tiegħu qiegħed jara li l-użu tal-maskri naqas drastikament u dan anke f’postijiet iffullati. “Qalbi tweġġgħani… kull darba nimmaġina l-virus jinxtered fuq il-folla. Il-BA.2 huwa infettiv ħafna u għalhekk kulħadd qiegħed jimrad bih,” temm il-Professur.

Skond id-WHO fir-reġjun Ewropew hemm 18-il pajjiż li kważi neħħew ir-restrizzjonijiet kollha jew ħafna minnhom kontra l-imxija tal-Covid-19. Fosthom dawn hemm id-Danimarka, l-Isvezja, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Olanda, Franza, Greċja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka.

Sadanittant, s’issa, la l-Irlanda u lanqas il-maġġoranza tal-pajjiżi l-aktar milquta m’għandhom pjan li jerġgħu jintroduċu xi miżuri biex jikkontrollaw din iż-żieda fl-infezzjonijiet tal-Covid-19 mill-varjant BA.2.

Sintomi tal-BA.2:

L-esperti jgħidu li s-sintomi huma simili għall-oħrajn tal-Covid-19. Dawn jinkludu:

* Deni u tkexkix;

* Sogħla;

* Qtugħ ta’ nifs;

* Għejja;

* Uġigħ fil-muskoli u/jew l-għadam;

* Uġigħ ta’ ras;

* Telf ta’ xamm u togħma;

* Uġigħ fil-griżmejn;

* Imnieħer miżdud jew iqattar;

* Taqligħ jew reġettar;

* Diarrhea.

Però, fir-rapport tagħha tas-sena l-oħra s-CDC qalet li l-Omicron għandu tendenza ta’ dawn is-sintomi:

* Sogħla;

* Għejja;

* Imnieħer miżdud u jqattar.

NOTA: Għal xi persuni l-Coronavirus jikkawża sintomi ħfief jew moderati li jgħaddu fi żmien ftit ġimgħat. Għal oħrajn, dawk magħrufa bħala sintomatiċi, ma jesperjenzawx sintomi. Mentri, għal uħud il-virus jista’ jwassal għal mard aktar serju inkluż pnewmonja u mewt. 

Skont uffiċjali tas-saħħa, il-maġġorparti tal-persuni mlaqqma, jew ma jesperjenzawx sintomi jew inkella ftit u l-virus rari jirriżulta fi bżonn ta’ rikoveru fi sptar jew inkella f’mewt fost dawn l-individwi. 

Ekonomija

Sport