Saturday, November 16, 2024

Il-Covid-19 joqtol aktar irġiel milli nisa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ġenetika, is-sistema immunitarja u elementi psikosoċjali jagħmlu differenza!

Miktub minn CARMEN CACHIA

Għadd ta’ studji qegħdin juru li aktar irġiel qegħdin imutu bil-Coronavirus fejn l-esperti fil-qasam isostnu li dan il-fenomenu huwa attribwit fost l-oħrajn għall-fatt li s-sess ġentili għandu sistema immunitarja aktar b’saħħitha minn dik maskili. Barra minnhekk l-irġiel għandhom ħabta jieħdu aktar riskji fosthom li jinjoraw id-distanza soċjali u ma jagħtux kas mill-ewwel tas-sintomi li jibdew iħossu. Din l-aħbar kienet ikkonfermata wkoll mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wara li rrapportat li 63% tal-imwiet ikkawżati mill-Covid-19 fl-Ewropa kienu rġiel.

Il-fatt li jidher li aktar irġiel qegħdin jitilfu ħajjithom minħabba l-Covid-19 huwa ta’ min wieħed jirrikonoxxih u anke jingħata importanza fir-riċerka xjentifika minħabba li jista’ jgħin biex nifhmu u anke xi darba nelgħbu, it-theddida li għandu dan il-virus li oriġina miċ-Ċina. L-irġiel qegħdin jisfgħu vittmi tal-pandemija globali u l-aktar raġunijiet li jistgħu qegħdin ikunu ta’ fattur ivarjaw minn lati bijoloġiċi għal dawk ta’ attitudnijiet u “vizzji”.

Studju ppubblikat f’April li għadda fi “Frontiers” dwar is-saħħa pubblika rrapporta li l-irġiel u n-nisa qegħdin jimirdu bil-Covid-19 bl-istess rata iżda l-andament tal-marda hija differenti bejn iż-żewġ sessi. Ir-riċerkaturi f’dan l-istudju ġibdu l-attenzjoni li l-irġiel huma f’riskju akbar li jimirdu serjament u jkollhom komplikazzjonjiet mill-virus.

Riċerkaturi Ċiniżi qalu li fi grupp kbir ta’ pazjenti bil-Covid-19 irriżulta li aktar minn 70% tal-persuni li mietu kienu rġiel. Huma qalu li dan il-fenomenu seħħ ukoll fl-2003 fit-tifqigħa tas-SARS. Dan l-istudju kien ikkonfermat mill-figuri li ħarġu minn mindu bdiet il-pandemija tal-Coronavirus.

Studju mill-Istitut tas-Saħħa f’Ruma f’Marzu li għadda sab li fost iċ-ċittadini Taljani li kellhom jingħataw il-kura fl-isptar minħabba l-Coronavirus, 8% tal-pazjenti rġiel mietu mentri l-perċentwal tal-vittmi nisa kien ta’ 5% biss.

Fil-belt ta’ New York is-sitwazzjoni tidher aktar gravi minħabba li r-rata ta’ rġiel li jitilfu l-battalja kontra l-Covid-19 hija d-doppju minn dik tan-nisa. Id-dipartiment tas-saħħa ta’ din il-belt fil-bidu tax-xahar ta’ April qal li n-numru ta’ mwiet fost is-sess maskili kien ta’ 43 persuna fuq kull 100,000 mentri għan-nisa dan l-ammont kien ta’ 23 imwiet għal kull 100,000 mara.

Iċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevnzjoni tal-Mard Infettiv (CDC) f’dan l-istadju m’huwiex jirrapporta l-imwiet skont il-ġeneru iżda l-esperti ma jemmnux li dan il-fenomenu se jirriżulta differenti minn pajjiż għall-ieħor.

Espert tal-mard infettiv u l-fundatur tal-Global Infectiouss Diseases and Epidemiology Network (GIDEON) – Dr Stephen Berger – sostna li, “wħud mir-raġunijiet li jistgħu qegħdin iwasslu għal aktar imwiet bil-Covid-19 fost l-irġiel aktar milli fin-nisa jinkludu l-fatt li l-mard tal-qalb huwa aktar komuni fost l-anzjani maskili milli dawk femminili. Studji sabu wkoll li l-pressjoni għolja fid-demm u mard tal-fwied huma aktar komuni fl-irġiel u dawn kollha huma fatturi negattivi ħafna li jwasslu għal komplikazzjonijiet meta wieħed ikun infettat bil-Covid-19”.

In-natura tal-ġisem…

Studju ieħor ippubblikat fl-10 ta’ Mejju qal li l-irġiel fid-demm tagħhom għandhom livelli ogħla tal-enżim tat-tip ACE2 (angiotensin-converting enzyme) minn nisa. Billi l-ACE2 “jippermetti” li l-Coronavirus jinfetta ċ-ċelloli b’saħħithom, jistgħu jkun li jispjega l-fatt għala l-irġiel huma aktar vulnerabbli għall-Covid-19.

Is-sistema immunitarja tista’ wkoll tkun fattur ieħor. F’intervista li kellu Dr Berger qal li jista’ jkun li l-ġenetika wkoll għandha rwol kruċjali f’din is-sitwazzjoni li qegħdin niffaċċjaw. “Billi n-nisa għandhom kromożon ‘X’ żejjed, dawn għandhom sistema immunitarja aktar b’saħħitha u kapaċi jiġġieldu l-infezzjonijiet aħjar mill-irġiel”. 

Espert ieħor, din id-darba fil-qasam tas-saħħa tal-irġiel – Salvatore J. Giorgianni – qabel ma’ Dr Berger fejn fl-opinjoni professjonali tiegħu wieħed ma jistax jaħrab mill-fatturi bijoloġiċi u l-karatteristiċi ġenetiċi tiegħu. 

Dan il-fenomenu xejn sabiħ f’din il-pandemija globali wassal biex aktar esperti fil-qasam jibdew bl-istudji tagħhom fejn anke bdew testijiet kliniċi għall-irġiel fejn qegħdin jingħataw l-ormon tat-tip Estrogen biex jaraw jekk dan jgħinhomx ifiequ mill-Covid-19.

Dan allura jfisser li fil-verità l-irġiel huma aktar dgħajfa min-nisa?

L-irġiel kulturalment jingħataw l-idea li huma b’saħħithom iżda fl-intervent tiegħu Giorgianni jiċċara l-fatt li n-nisa, fejn tidħol l-immunità tal-ġisem, m’humiex is-sess dgħajjef. Barra minnhekk huwa żied jgħid li l-irġiel għandhom rata ta’ disgħa minn kull għaxar imwiet fl-Istati Uniti.

Skont l-espert, dan ifisser li l-irġiel għandhom ċans li jkollhom kundizzjonijiet ulterjuri li jwasslu biex il-Covid-19 ikun perikoluż u anke fatali. Vizzji li jagħmlu l-ħsara lill-pulmun, fosthom it-tipjip, jistgħu wkoll ikunu fattur li qegħdin iwasslu għall-imwiet għola fost is-sess maskili.

Berger qal li, “fiċ-Ċina, per eżempju, it-tipjip fil-maġġorparti tiegħu huwa vizzju prevalenti fl-irġiel li qiegħed jirriżulta f’mard tal-pulmun kroniku. Dan ipoġġi lill-irġiel f’riskju għola u ffi żvantaġġ kbir meta jkunu infettati bil-Covid-19”.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li bejn wieħed u ieħor, it-tniġġis fl-arja joqtol aktar minn erba’ miljun persuna fis-sena minħabba ażma, bronki, mard tal-qalb u l-pulmun, kif ukoll allerġiji fil-pajpijiet tan-nifs. 

Studju riċenti minn Harvard f’Massachusetts wera li persuni li jgħixu f’żoni b’livelli għolja ta’ tniġġis fl-arja huma f’periklu akbar li jmutu bil-Covid-19 milli dawk li jgħixu f’inħawi inqas imniġġsa. 

It-tniġġis fl-arja fil-fatt huwa fattur ieħor li jista’ jkun li qiegħed iwassal għal rata għola ta’ rġiel li jmutu minħabba l-Coronavirus.

“F’ħafna kulturi, l-irġiel joħorġu minn djarhom biex imorru għax-xogħol u dan jesponihom għal kundizzjonijiet ta’ klima estremi kif ukoll tniġġis fl-arja,” kompla Berger. Huwa żied jgħid li dan jista’ jwassal għal impatt dirett ma’ infezzjonijiet perikolożi, fosthom il-Covid-19.

Riċerki u informazzjoni miġbura turi li dan il-fenomenu ta’ rati għolja ta’ mwiet fost l-irġiel waqt pandemiji mhix eċċezzjoni fil-każ tal-Covid-19. Fil-fatt studji li ġew ippubblikati minn madwar id-dinja juru li fost eżempji simili hemm dak tal-Influwenza Spanjola tal-1918. Hawnhekk instab li rġiel avvanzati fl-età mietu b’rata ferm aktar għolja minn dik fost in-nisa u s-suspett huwa li dan seħħ minħabba l-fatt li l-irġiel kellhom ħsara fil-pulmun minħabba t-tuberkolożi.

Ekonomija

Sport