Thursday, December 26, 2024

“Il-Covid-19 tat imbuttatura ‘l quddiem lill-kumpanija Baxter”

Aqra wkoll

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija Rita Dimech dwar l-aħbar li l-kumpanija se timpjega 100 ħaddiem ġdid

Minn CLAUDIO COLEIRO

Fost il-ħafna negattività li ġabet magħha l-imxija tal-Covid-19, jispikka wkoll l-aspett pożittiv tagħha. Fost dawn hemm li tat imbuttatura ‘l quddiem lill-kumpanija Baxter li b’riżultat taż-żieda fil-bejgħ se tkun qiegħda timpjega 100 ħaddiem ġdid

Dwar dan tkellimna mas-Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija Rita Dimech li fissret kif il-Covid-19 serviet ta’ ġid mhux biss għall-kumpanija imma wkoll għall-ħaddiema għax b’hekk ġie salvat l-għajxien ta’ 100 ħaddiem li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba miżuri li ttieħdu kawża tal-pandemija.

Is-Segretarja Dimech bdiet billi qalet li ftit tal-ġimgħat ilu, il-GWU ffirmat ftehim kollettiv ġdid b’mod virtwali għall-ħaddiema tal-kumpanija Baxter fejn dawn se jkunu qed jibbenefikaw minn żidiet fis-salarji tagħhom fost oħrajn. 

Qalet ukoll li bħala union għandhom kumitat b’saħħtu li jara kif jirranġa kwalunkwe kwistjoni li jista’ jkun hemm f’din il-kumpanija. “Hemm management li jifhem il-ħaddiem u bħala kumpanija qatt ma kellna kwistjonijiet kbar,” tenniet is-Segretarja Dimech.

Kien hawn fejn qalet li l-GWU qiegħda tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-kumpanija, minn din il-ġimgħa, se tibda timpjega xejn inqas minn 100 impjegat ġdid. “Għal Baxter dan huwa 100 impjieg ġdid imma tfisser ukoll li għal Malta ġew salvati 100 impjieg.” 

“Bħala union għandna relazzjoni tajba ħafna magħhom. Dan l-aħħar ikkumpensat ukoll lil ħaddiema b’bonus speċjali talli kien qed jaħdmu waqt il-Covid. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar kollaborazzjoni magħhom,” temmet tgħid Dimech. 

Intant, l-Erbgħa, l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri fi żjara li għamel fil-fabbrika Baxter li tinsab fil-Qasam Industrijali tal-Marsa, sostna li Baxter kienet waħda fost dawk il-kumpaniji proattivi biex tieħu miżuri hi stess biex tissalvagwardja l-ħaddiema u fl-istess ħin jagħtu ħidma u għajnuna fil-qasam tas-saħħa biex iżommu maż-żieda tad-domanda tal-mediċini essenzjali. 

Huwa tenna li din il-kumpanija hija eżempju ta’ kif tadattau tinvesti anke f’dan iż-żmien ta’ sfida li għaddejja minnu d-dinja kollha. Schembri temm jisħaq li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji biex isegwu dan l-eżempju u jkomplu jaħsdu l-opportunitajiet li tipprovdi ekonomija Maltija b’saħħitha. 

Il-kumpanija Baxter tħaddem madwar 500 impjegat f’diversi dipartimenti mill-manifattura, l-inġinerija għar-riċerka u l-iżvilupp fost oħrajn. Fost il-prodotti li tagħmel, il-kumpanija taħdem fuq prodotti li joffru terapija li hija essenzjali għall-pazjenti li jkunu fil-kura intensiva u dialyses machines.

Brian Tabone, Direttur tal-Manifattura fi ħdan il-kumpanija Baxter, spjegalna kif f’dan iż-żmien, id-domanda għall-prodotti li jintużaw fl-isptarijiet żdiedu, speċjalment prodotti għal dak li jissejjaħ ‘Continuous Renal Replacement Therapy – CRRT’. “Din it-terapija tintuża f’każijiet ta’ kura intensia. Għaldaqstant Baxter Malta qiegħda żżid l-apparat u l-ħaddiema meħtieġa biex tlaħħaq ma’ din iż-żieda fid-domanda,” qal Tabone.

Huwa żied jgħid ukoll li l-ħaddiema li qegħdin jiġu ingaġġati, fil-maġġoranza tagħhom huma ħaddiema fil-manifattura kif ukoll rwoli bħal manutenzjoni u ttestjar tal-prodotti.

Ekonomija

Sport