Saturday, October 26, 2024

Il-Covid-19 toħloq tensjoni f’familji bi dħul baxx

Aqra wkoll

Tgħid dan il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri

Minn Claudio Coleiro

“Familji bi dħul baxx se jkollhom aktar tensjoni f’dawn iż-żminijiet, anke dawk fejn diġà kien hemm il-vjolenza domestika qabel il-Covid-19. Persuni li jgħixu ma’ aggressur fid-dar qed ibatu iktar bħalissa minħabba l-fatt li qed nissoċjalizzaw inqas fiżikament u allura qed noqogħdu iktar ġewwa flimkien. Issa l-aggressur qed ikollu iktar ċans jgħasses kull moviment tal-persuna l-oħra u jikkontrollaha ferm aktar.”

Saħqet dan il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri meta mitluba tirreaġixxi għal rapport li deher ilbieraħ f’L-ORIZZONT fejn jirriżulta li t-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Vjolenza Domestika investigat xejn inqas minn 171 rapport dwar vjolenza domestika fl-ewwel xahar u ftit jiem mit-twaqqif tagħha.

Friggieri bdiet billi qalet li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika taħdem id f’id mal-Korp tal-Pulizija fejn tmexxi kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni matul is-sena fuq il-mezzi tax-xandir rigward dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ relazzjonijiet sani u li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem fost oħrajn.

“Il-Kummissjoni tikkomunika regolarment ma’ rappreżentanti tal-korp tal-pulizija li huma anke membri fuq il-bord interministerjali. Issir komunikazzjoni fuq diversi livelli, bħal pereżempju dwar ġbir ta’ informazzjoni għall-fini ta’ riċerka, kif ukoll sabiex infasslu u norganizzaw korsijiet professjonali matul is-sena għal uffiċjali tal-pulizija li jaħdmu fid-Domestic Violence Unit bil-għan li dawn il-frontliners joffru l-aqwa servizz possibbli lil dawk kollha li jmorru jirrappurtaw każi ta’ vjolenza domestika. Dan jinkludi sensitività u empatija lejn dawn il-persuni, mnebbħa minn għarfien psikoloġiku, legali, mediku u soċjali, pereżempju,” żiedet tgħid il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika. 

Mistoqsija dwar il-Covid-19 u jekk rawx żieda f’dik li hija tensjoni fost il-familji f’dan il-perjodu, hija qalet li l-pandemija dejjem se jkollha effett ta’ stress u ansjetà fuq in-nies b’mod ġenerali fejn dak li jkun iħossu li ma jistax jgħix skont ir-rutina familjari ta’ qabel tfaċċa l-Covid-19 filwaqt li l-futur jinħass inċert. 

“Ovvjament l-effett se jinħass iktar fost persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet li l-bidla fil-ħajja ta’ kuljum se tagħmilhomlhom agħar, bħal ngħidu aħna nies li jgħixu b’kundizzjonijiet psikoloġiċi u/jew iħossuhom waħedhom. It-tensjoni se tinħass minn kulħadd, anke minħabba kif il-Covid-19 jaffettwa x-xogħolijiet tan-nies u l-edukazzjoni tat-tfal, qalet il-Kummissarju Friggieri. 

Hija żiedet issemmi wkoll kif madwar l-Ewropa kollha kien hemm żieda ta’ talbiet għall-għajnuna dwar vjolenza domestika fuq il-helplines, b’Malta ma tkunx eċċezzjoni għalkemm mhux daqskemm wieħed jaħseb lanqas.

“In-nies iħossuhom iktar komdi u fiduċjużi li jitolbu parir jew għajnuna f’każijiet ta’ vjolenza domestika minħabba l-fatt li saħħaħna u żidna s-servizzi tal-għajnuna, b’kampanji kontinwi tal-informazzjoni u t-tisħiħ fi ħdan il-korp tal-pulizija, li kollha jservu biex in-nies isibu s-sokkors li jkollhom bżonn,” temmet tgħid il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri. 

Sport