Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-SMEs tikkonferma li Covid-19 qed jagħti spinta kbira lis-settur tax-xiri online
Minn Carmen Cachia
Tmiem il-ġimgħa l-oħra kellna l-Black Friday u din is-sena, minkejja l-instabbiltà u r-restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19, il-bejgħ kien tajjeb ħafna tant li laħaq, jekk mhux qabeż, dak tas-sena l-oħra. Inewsmalta tkellem ma’ Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-SMEs fejn qaltilna li jaħsbu li dan is-suċċess ġie għall-fatt li n-nies qegħdin iqattgħu aktar ħin fid-djar tagħhom u nefqu biex isebbħu u jgħammru aħjar id-djar tagħhom. Barra minnhekk dan l-aħħar Black Friday qalet li kien ikkaratterizzat ukoll b’żieda qawwija fis-settur tax-xiri online.
Min-naħa l-oħra il-ħwienet tal-ħwejjeġ, aċċessorji, deheb u żraben, li s-soltu jkunu mfittxija fil-Black Fridfay, din is-sena ma tantx marru tajjeb iżda Mamo assigurat li l-maġġoranza tal-operaturi f’dan is-settur kien xorta sodisfatti anke għall-fatt mid-diffikultajiet li għaddejjin minnhom din is-sena minħabba l-pandemija.
“L-ilbies tal-okkażjoni ovvjament ma marx tajjeb minħabba r-restrizzjonijiet preżenti għax in-nies m’humiex jaraw li hemm għalfejn jixtru dan it-tip ta’ lbies,” spjegat il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs. Hija qalet li huwa interessanti l-fatt li n-negozji ppreparaw ruħhom għal żieda fil-bejgħ permezz ta’ pjattaformi online u segħu jagħmlu użu tajjeb minn dan il-lat ta’ kompetizzjoni.
Mamo qalet li, “in-negozji Malti huma bbażati lokalment f’distanzi ftit ‘il bogħod biex jintlaħqu u għalhekk taw kunfidenza lill-konsumaturi biex jagħmlu x-xiri tagħhom online. Dan jagħmel differenza kbira fejn jidħol iż-żmien li wieħed jistenna biex jirċievi l-prodott li ordna jew jibdel l-oġġett. Fiż-żmien il-Covid, b’mod speċjali kien hemm ħafna dewmien biex jaslu l-pakketti minn barra minn Malta u dan l-aspett jagħmel differenza sinjifikanti”.
Il-Kamra tal-SMEs qalet ukoll li barra l-preparazzjonijiet biex ikun hemm bejgħ online, in-negozji ħadu ħsieb li jżidu l-istaff f’kull livell tal-ħwienet tagħhom u dan biex jiżgura li l-miżuri mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa, ikunu mħarsa.
Sadanittant is-settur tal-elettronika ta’ affarijiet domestiċi, mar tajjeb ħafna, mentri minkejja li s-settur tal-ħwejjeġ ma kellux riżultati pożittivi, il-bejgħ tal-ħwejjeġ casual mar l-aħjar f’din il-kategorija.