Friday, December 19, 2025

Il-Euromed International Regatta: 25 Edizzjoni ta’ Tkabbir, Opportunità u Firxa Internazzjonali

Aqra wkoll

Meta l-Malta Young Sailors Club (MYSC) nieda għall-ewwel darba r-Regatta Internazzjonali Euromed, l-ambizzjoni kienet waħda ċara u diretta: li tattira baħħara ta’ livell għoli f’Malta u jagħti lil-baħħara lokali l-opportunità jikkompetu kontra flotot internazzjonali b’saħħithom mingħajr ma jkollhom iħallu l-gżejjer Maltin. 

Ħamsa u għoxrin edizzjoni wara, l-Euromed kibret biex saret waħda mill-aktar regatti taż-żgħażagħ stabbiliti fil-kalendarju Mediterranju, rikonoxxuta għall-livell kompetittiv u l-appell internazzjonali tagħha.

L-edizzjoni tal-2025 timmarka tragward importanti hekk kif tiċċelebra l-25 anniversarju tar-regatta, u terġa’ ssir flimkien mal-Europa Cup għall-klassijiet ILCA — issa fit-tielet sena tagħha f’Malta. Flimkien, dawn l-avvenimenti jenfasizzaw kif l-Euromed evolviet minn regatta reġjonali tal-Optimist għal avveniment internazzjonali ta’klassijiet differenti li toffri opportunitajiet ta’żvilupp għall-baħħara fi stadji differenti tal-iżvilupp sportiv tagħhom.

Sa mill-bidu tagħha, l-Euromed kienet maħsuba biex tkun aktar minn kompetizzjoni lokali. Organizzata mill-MYSC, ir-regatta bdiet tattira b’mod kostanti baħħara minn madwar l-Ewropa. Dan minħabba li Malta toffri kundizzjonijiet tax-xitwa li huma kemm ta’ sfida kif ukoll affidabbli. Maż-żmien, din ir-reputazzjoni kompliet tinfirex lil hinn, megħjuna minn tmexxija tajba tat-tiġrijiet, programm fuq l-art organizzat tajjeb u l-aċċessibilità ta’ Malta bħala destinazzjoni ideali tal-ibburdjar.

Wieħed mill-aktar indikaturi ċari tal-impatt tar-regatta huwa l-livell ta’baħħara li ħadu sehem fiha matul is-snin. Fost l-aktar notevoli hemm l-Italjan Marco Gradoni, tliet darbiet Champion tad-Dinja tal-Optimist, li aktar ’il quddiem kompla jbaħħar ma’ Luna Rossa Prada Pirelli. Il-parteċipazzjoni ta’ Gradoni fl-edizzjonijiet tal-Euromed matul is-snin taż-żgħożija tiegħu tirrifletti l-livell ta’ kompetizzjoni li din ir-regatta ilha tattira u r-rwol tagħha fit-tħejjija ta’dawn l-atleti għall-ogħla livelli tal-isport.

L-Edizzjoni tal-25 Anniversarju tkompli din it-tradizzjoni. Fl-2025, il-Euromed se tilqa’ baħħara minn 39 pajjiż, u b’hekk issir waħda mill-aktar avvenimenti tal-ibburdjar għaż-żgħażagħ b’diversità internazzjonali li qatt saru f’Malta. Il-lista tal-parteċipanti tinkludi kompetituri minn madwar l-Ewropa, l-Asja, l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel, u lil hinn — mill-Isvezja sa Singapore, mill-Kanada sal-Kroazja, mill-Arġentina sal-Armenja — u tenfasizza l-firxa globali tal-avveniment.

Fil-klassi tal-Optimist, li jibqgħu fil-qalba tal-Euromed, total ta’ 135 parteċipant se jkunu fl-ilma. Il-flotta tinkludi numru ta’ atleti b’riżultati riċenti ta’ livell għoli, u dan jiżgura regatta kompetittiva ħafna. L-Isvediż Carl Bigersson ser jikkompeti wara li spiċċa fit-tielet post overall fil-Kampjonati Dinjija tal-Optimist tal-2025, filwaqt li s-Sloven Mihael Zobec kiseb it-tieni post fl-istess kompetizzjoni. L-Italjan Andrea Demurtas, li spiċċa fit-13-il post fid-Dinja, u Marguax Nguyen-Minh minn Hong Kong, it-tielet mara fid-Dinja fl-2025 u t-tielet overall fl-Euromed tas-sena l-oħra, isaħħu aktar il-livell tal-kompetizzjoni.

L-interess lokali huwa b’saħħtu wkoll. Iċ-Champion Nazzjonali attwali ta’ Malta, Matthias Spiteri tal-MYSC, jerġa’ lura wara li s-sena li għaddiet tilef it-titlu b’marġni żgħir, u spiċċa fit-tieni post overall. Din is-sena se jkun qed jimmira li jittraduċi dak ir-riżultat fl-ewwel rebħa tiegħu fl-Euromed. L-atleta Maltija Ella Demicoli, iċ-Champion Nazzjonali Femminili attwali, ser jkollha l-attenzjoni fuqa hekk kif tikkompeti fl-aħħar regatta tagħha fil-klassi Optimist qabel ma tgħaddi għall-klassi ILCA.

Flimkien mal-flotta tal-Optimist, l-Europa Cup tal-ILCA saret parti integrali mill-programm tal-Euromed. Issa fit-tielet edizzjoni tagħha f’Malta, l-avveniment qed ikompli jikber, b’120 dħul fl-ILCA kkonfermati — l-ikbar numru ta’ ILCA li qatt ġie rreġistrat għal regatta f’Malta. Il-firza tal-flotta tinkludi aktar minn 60 ILCA 4, aktar minn 40 ILCA 6 u madwar 20 ILCA 7, li tirrifletti parteċipazzjoni b’saħħitha tul il-klassijiet kollha.

Diversi baħħara Maltin jidhru b’mod prominenti fil-flotot tal-ILCA. Emily Fenech, iċ-Champion Nazzjonali attwali tal-ILCA 4, se tkun qed tipprova tkompli fuq is-suċċess lokali tagħha f’riżultat internazzjonali tajjeb. Timmy Vassallo jerġa’ jidħol fil-klassijiet tal-ILCA 6 biex jiddefendi t-titlu tiegħu, wara sajf tajjeb li inkludiet rebħa fl-ILCA 4 fil-Kieler Woche. Katrina Micallef, iċ-Champion Nazzjonali tal-ILCA 6 ta’ Malta, tkompli ssaħħaħ il-kontinġent lokali, filwaqt li l-flotta tal-ILCA 7 tinkludi baħħara fuq it-triq Olimpika, fosthom James Juhasz u Jeremy Moutout.

Il-Euromed tal-2025 hija appoġġjata mit-title sponsors MAPFRE u Visit Malta, flimkien ma’ netwerk ta’ sponsors u sħab li jinkludu S&D Yachts, Rooster, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Francis Busuttil & Sons (Marketing) Ltd. u SportMalta. L-appoġġ kontinwu tagħhom jirrifletti l-fiduċja fl-Euromed bħala avveniment stabbilit sew u mwettaq b’mod professjonali, b’valur sportiv ċar.

“Wara 25 edizzjoni, il-Euromed International Regatta tirrifletti tkabbir kostanti, ippjanar fit-tul u impenn lejn l-ibburdjar taż-żgħażagħ. Għall-Malta Young Sailors Club, l-Euromed jibqa’ avveniment ewlieni — wieħed li jkompli jattira l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ talent internazzjonali fl-ibburdjar filwaqt li jipprovdi lil-baħħara Maltin punt ta’ referenza ġenwin kontra l-aqwa atleti fid-dinja,” qal il-Commodore tal-Malta Young Sailors Club,  Christian Bajada.

Ir-Regatta Internazzjonali Euromed se tibda nhar il-Ħamis 18ta’ u tintemm nhar il-Ħadd 21 ta’ Diċembru. It-tlielaq se jsiru fil-Bajja tal-Mellieħa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport