Saturday, May 18, 2024

Il-EuroPride f’Malta hija opportunità għal moviment favur Ewropa iktar inklussiva

– is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tindirizza l-Pride March ta’ Madrid

Aqra wkoll

Ftit ġimgħat biss qabel Malta tilqa’ l-EuroPride Valletta 2023, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħadet sehem attiv fil-Pride March ta’ Madrid. Wara l-mixja tradizzjonali mal-attivisti, fejn aktar minn żewġ miljun ruħ ħonqu t-toroq tal-belt kapitali Spanjola, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kienet mistiedna tindirizza din l-attività li hija meqjusa bħala waħda mill-akbar manifestazzjonijiet fid-dinja.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li tħossha onorata li tinsab f’Madrid biex flimkien inkomplu nippromwovu d-drittijiet indaqs għal kulħadd u niċċelebraw id-diversità ta’ kull individwu. Fissret lil Madrid bħala belt li toffri sens ta’ għaqda u sigurtà għall-komunità LGBTIQ+, l-istess kif illum jagħmel pajjiżna. “Għaxar snin ilu Malta kienet meqjusa bħala waħda mill-iktar stati konservattivi fl-Ewropa, iżda bis-saħħa ta’ riformi leġislattivi kbar, ħafna llum iqisu lil pajjiżi bħala l-aqwa f’dan il-qasam,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Qalet li l-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet LGBTIQ+, mhux biss fil-leġiżlazzjoni, iżda wkoll fil-kultura u l-valuri tagħna. “It-tolleranza mhijiex biżżejjed. Irridu soċjetà li tgħożż,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. Filwaqt li ħeġġet lil kulħadd biex iżur pajjiżna għal EuroPride bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru, is-Segretarju Parlamentari saħqet li l-messaġġ ta’ dawn il-manifestazzjonijiet huwa aspett fundamentali favur id-dinjità u r-rikonoxximent tal-identità ta’ persuna mingħajr biża’ jew mistħija. “Il-parteċipazzjoni tagħkom fil-EuroPride ta’ Malta hija opportunità biex kulħadd ikun parti mill-istorja, bħala ċittadin attiv, f’dan il-moviment ħaj li qed jaħdem għal Ewropa iktar inklussiva. Kunu magħna biex insebbħu l-belt kapitali tagħna bil-kuluri vibranti tal-għaqda u l-kburija. Se nibnu memorji li jibqgħu magħna għal dejjem”, temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Sport