Saturday, December 21, 2024

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni tniedi l-programm ta’ outreach tagħha

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien ma’ rappreżentanza ta’ akkademiċi tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta mmexxija mid-Dekan Dr Colin Calleja nidew programm ta’ outreach li għandu l-għan li jagħti appoġġ b’mod iktar wiesgħa u mifrux lejn l-istudenti, edukaturi u ġenituri.

Dan il-programm ta’ outreach jinvolvi wkoll website: lovetoteach.info. Dan is-sit, li huwa aġġornat ta’ spiss, huwa magħmul minn erba’ sezzjonijiet differenti; waħda għal studenti li jaqgħu taħt il-kategoriji junior u senior, oħra għall-ġenituri, sezzjoni għall-edukaturi u mexxejja edukattivi, u r-raba’ sezzjoni hija għal studenti f’edukazzjoni ogħla, adulti u l-edukaturi tagħhom. 


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil kull min kien involut. “Jiena tassew kburi bix-xogħol li dejjem taw l-edukaturi tagħna għall-ġid tal-istudenti pero ninsab tassew grat lejn id-dedikazzjoni li baqghet tintwera minn kulħadd wara l-għeluq temporanju tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni llum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa 400 Fakultà tal-Edukazzjoni fid-dinja. Dan is-sit joffri wkoll serje ta’ webinars bl-isem vEDUti fejn il-Professur Carmel Borg jilqa’ awturi prominenti. Filfatt fl-ewwel intervista tiegħu tkellem mal-Professur John Baldacchino mill-Università ta’ Wisconsin.

Is-sezzjoni għall-Juniors u Seniors tipprovdi riżorsi interattivi kif ukoll attivitajiet edukattivi awtentiċi għall-istudenti żgħar.

Is-sezzjoni għall-ġenituri, apparti li toffri riżorsi, toffri wkoll webinars u podcasts għal dawk il-ġenituri li għal dawn l-aħħar ġimgħat għandhom l-irwol ta’ edukaturi għal uliedhom.

Is-sezzjoni għall-edukaturi toffrilhom ukoll riżorsi u webinars. Parti minn din is-sezzjoni wieħed jista’ jsib serje ta’ webinars bl-isem ‘Connect to Learning’ li tipprovdi żvilupp kontinwu u professjonali lill-edukaturi sabiex iżidu l-ħiliet u l-ideat tagħhom ħalli jtejbu l-prattiċi.

Dan is-serje diġa attira bosta professjonisti edukattivi u qed isir spazju popolari mal-edukaturi Maltin. Dawk li jattendu u joffru l-ideat tagħhom f’dawn il-webinars se jingħatalhom Ċertifikat ta’ Parteċipazzjoni li jkun maħrug mill-Fakultà fi tmiem is-serje.

L-aħħar sezzjoni toffri rizorsi aġġornati żviluppati minn awturi lokali kif ukoll barranin u anki appoġġ f’forom ta’ webinars u korsijiet qosra lil studenti, adulti u l-edukaturi tagħhom, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mat-tagħlim online.

L-akkademiċi nvoluti fid-disinn u l-manutezjoni ta’ dan is-sit, il-webinars u l-korsijiet qosra huma:

– Dr Colin Calleja, id-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni
– Dr Michelle Attard Tonna, il-Viċi Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni
– Dr Karen Mugliett
– Professor Christopher Bezzina
– Dr Philip Bonanno
– Dr James Calleja
– Dr Patrick Camilleri
– Dr Joseph Vancell
– Is-Sur Mario Testa
– It-tim ta’ Let Me Learn

Ekonomija

Sport