Illum jimmarka sentejn mill-mewt traġika ta’ Matthew Perry. Fit-28 ta’ Ottubru 2023, ħarġet l-aħbar li l-attur famuż ta’ Friends, magħruf għall-karattru ikoniku ta’ Chandler Bing, instab mejjet
Perry nstab waħdu fil-jacuzzi tiegħu. Fl-aħħar sigħat qabel mewtu, kien irċieva tliet injezzjonijiet ta’ ketamina. Fil-ġimgħat ta’ qabel, l-assistent tiegħu li kien jgħix miegħu, Kenneth Iwamasa, kien jipprovdi b’mod illegali bejn sitt u tminn injezzjonijiet ta’ ketamina kuljum — sustanza magħrufa bħala droga li taffettwa l-perċezzjoni.
Iwamasa ammetta li sab lil Perry “mitluf minn sensih” mill-inqas darbtejn fil-ġimgħat qabel il-mewt tiegħu. L-aħħar tlett injezzjonijiet kienu fatali. Dawn kienu provduti minn Jasveen Sangha, magħrufa bħala l-“Ketamine Queen”, traffikanta li tbigħ id-drogi, lil ċelebritajiet “high-end”. Sangha ammettiet il-ħtija tagħha għal ħames akkużi.
Il-każ tal-mewt ta’ Perry, jixħet dawl fuq l-użu tad-droga fost artisti popolari ta’ Hollywood fejn juri l-perikli tal-fama, tal-flus u tal-poter.
Matthew Perry, apparti l-karattru tiegħu ferrieħi, ċajtier u sarkastiku f’Friends, kien persuna li kien ibagħti minn problemi personali li jinvolvu l-abbuż ta’ alkoħol u sustanzi. Perry ta’ spiss kien jgħid li ma jiftakarx ħafna mill-iffilmjar ta’ Friends qabel ir-riabilitazzjoni tiegħu lejn l-aħħar tas-serje.
Persuni li qed jaffaċċjaw dawn l-akkużi jinkludu: Kenneth Iwamasa (15-il sena ħabs), Salvador Plasencia (40 sena), Jasveen Sangha (65 sena), Erik Fleming (25 sena), u t-tabib Mark Chavez (10 snin).
Dan il-każ jibqa’ jfakkar il-problemi li tista’ ġġib magħha l-fama u kif il-prekawzjonijiet u l-kontroll jistgħu jintilfu f’ambjent imsaħħaħ mill-flus u s-suċċess.

