Qed jiġi rrappurtat li s-sidien ta’ Manchester United, il-familja Glazer, fl-aħħar 17-il sena ħadu £1.1 biljuni mill-club.
Għaldaqstant wieħed jista’ jifhem ir-rabja tal-partitarji tar-Red Devils hekk kif bdew l-istaġun bi protesta qabel l-ewwel tal-istaġun kontra Brighton.
Din iċ-ċifra tinkludi £743m f’pagamenti ta’ imgħax fuq il-flus li ssellfu biex jixtru l-club fl-2005.
Il-ħlas lura tad-dejn jammonta għal £147m oħra, filwaqt li s-sidien ħallsu lilhom infushom dividendi ta’ £166m – inklużi £133m fl-aħħar 10 snin biss.
Matul l-aħħar 10 snin, l-infiq tal-United ma qabiżx il-flus li ddaħħlu fil-club bħala dħul.
Id-diretturi ġew rimunerati £55m mill-wasla tal-Glazers, filwaqt li £23m inħarġu wkoll mill-club f’salarji tal-management.
Il-£154m li ttieħdu mill-club mill-familja Glazer fl-aħħar 10 snin huma aktar minn kwalunkwe club ieħor ta’ Premier.
Għall-kronaka, is-sidien ta’ Manchester City investew £684m minn flushom stess fl-istess perjodu ta’ żmien.