Thursday, December 12, 2024

Il-familja Glazer qed tikkunsidra li twaqqaf il-bejgħ ta’ Manchester United

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá kbira li Manchester United jistgħu jitneħħew mis-suq tal-bejgħ.

Dan minħabba li s-sidien tal-club, il-membri tal-familja Glazer, qed tikkunsidraw skema biex idaħħlu aktar profitti mill-bażi tal-partitarji madwar id-dinja. 

Minkejja li fil-ġimgħat li għaddew poġġew lill-club għall-bejgħ u kellhom taħdidiet mal-offerenti ewlenin,  Jim Ratcliffe u x-Sheikh Jassim bin Hamad al-Thani, jidher li issa qed jikkunsidraw li jwaqqfu għal kollox dan il-bejgħ. 

S’issa ftit hemm sinjal li xi offerenti qed joqorbu lejn il-valutazzjoni ta’ £6 biljun mitluba mill-Glazers. 

Barra minn hekk, ġew miċħuda rapporti infodati li l-aħwa Glazers huma maqsumin dwar il-bejgħ tal-club fejn sostnew li Joel u Avram jinsabu lesti li jixtru l-ishma tal-erbat aħwa l-oħrajn. Bil-kuntrarju, dawn it-tnejn qed jitkellmu bil-barka ta’ ħuthom l-oħrajn. 

Il-Grupp Raine bbażat fl-Istati Uniti, maħtur mill-Glazers biex jieħu ħsieb il-proċess tal-bejgħ tal-club, hu mifhum li għadu qed iħares lejn firxa ta’ għażliet u ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali.

Dawk jinkludu l-bejgħ sħiħ li huwa l-intenzjoni tax-Sheikh Jassim, bankier u membru tal-familja rjali Qatari.

Dan minbarra li hemm propost ix-xiri minn Ratcliffe li qed jitlob 69% tal-Glazers iżda mhux tal-bqija tal-ishma tal-club.

Iżda għażla oħra li qed tingħata konsiderazzjoni serja hija l-użu ta’ flus kontanti esterni – erba’ hedge funds tal-Istati Uniti jinsabu fis-suq biex ikollhom irwol possibbli – biex tinħoloq kumpanija ġdida biex timbotta l-bejgħ u l-operat kummerċjali diġitali tal-club.

Struttura l-”ġdida” tara lill-Glazers jingħaqdu ma’ finanzjatur ġdid – dak ta’ Ares Management ibbażat f’Los Angeles li jippossjiedi assi ta’ £246 biljun – biex toħloq l-entità l-ġdida.

Dan jippermettilhom li jdaħħlu flus kbar minn opportunitajiet potenzjali minn bejgħ diġitali, video gaming, liċenzjar tal-merkanzija li jkun separat għal dak li jiġri fil-ground.

Mossa bħal din tkun tnaqqis sinifikanti fl-ambizzjonijiet tal-familja li tissorvelja bejgħ sħiħ.

Min-naħa l-oħra, iż-żewġ offerenti  jemmnu li kwalunkwe ftehim għandu jitlesta sal-31 ta’ Mejju biex jippermetti approċċ xieraq u mmirat lejn is-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

In-natura kumplessa ta’ kwalunkwe ftehim se teħtieġ timijiet speċjalizzati biex iwettqu diliġenza dovuta tat-taxxa u tal-proprjetà, kuntatti eżistenti u informazzjoni dwar il-players qabel ma l-offerenti jkunu jistgħu jaslu għal valutazzjoni aktar fissa.

Dan l-aħħar żvilupp jista ‘jitqies bħala tattika biex tiffoka l-imħuħ tal-offerenti bil-Glazers mhumiex lesti li jinżlu mill-valutazzjoni għolja tagħhom … minkejja li l-Borża ta’ New York tivvaluta lill-club ftit aktar minn £3 biljuni. 

Ekonomija

Sport