Wednesday, February 11, 2026

Il-familja Pace mixlija b’użura, tnejn minnhom fost l-akkużati bis-serq tal-kannabis mill-AFM

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tnejn sar rejd fil-Marsa fejn ġew arrestati sitt persuni, dalgħodu tressqu l-Qorti akkużati b’diversi akkużi fosthom ta’ użura u ħasil ta’ flus. Jirriżulta li tnejn mill-imputati huma aħwa li diġà jinsabu mixlija bis-serq ta’ 132kg kannabis mill-barracks tal-Forzi Armati fi Frar tas-sena l-oħra.

Magħhom quddiem il-Maġistrat Monica Vella tressqu l-membri tal-familja Pace minn Santa Venera. 

L-akkużati huma missierhom Keith Pace ta’ 45 sena minn Santa Venera, is-sieħba tiegħu Maria Grixti ta’ 49 sena mill-Marsa u n-nanniet Lawrence ta’ 73 sena u Emanuela Pace ta’ 73 sena minn Santa Venera, li lkoll qed jiffaċċjaw akkużi serji li jinkludu l-użura u l-ħasil tal-flus. L-aħwa Pace huma mixlija wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-imputati kollha ċaħdu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom.

Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Maġistrat Vella li waqt ir-rejd li l-Pulizija wettqu fir-residenza sabu madwar  €120,000 fi flus kontanti moħbija f’postijiet differenti fid-dar, kif ukoll għadd ta’ għasafar eżotiċi li jiswew ħafna flus.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija bdew wara li qamu suspetti dwar il-finanzi tal-missier li rriżulta li qatt ma kellu impjiet li jħalli daqshekk dħul.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li waqt li Keith kien il-ħabs, hu kellu diversi telefonati mis-sieħba tiegħu, u minn dawn it-telefonati rriżulta li hija kienet qiegħda tmexxilu n-negozju tal-użura.

Ġie spjegat ukoll li l-flus kontanti nstabu fis-suffett tad-dar tal-anzjani, u rriżulta wkoll li l-anzjana Emanuela Pace għandha karozza tal-għamla Corvette b’valur ta’ €120,000.

Kien bħal dan iż-żmien sena meta l-aħwa Pace kienu ngħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ serqa ta’ 132 kilo kannabis minn kontejner li kien taħt il-kustodja tal-Forzi Armati. 

Aktar minn hekkKeith Pace kien instab ħati wkoll li hedded lill-ġurnalisti tal-ONE quddiem il-Qorti, waqt li kienu qed jirrappurtaw il-kawża tas-serq tal-kannabis li fiha kienu involuti ż-żewġ uliedu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport