Friday, December 13, 2024

Il-familja Ricketts toffri li tiltaqa’ mal-partitarji ta’ Chelsea

Aqra wkoll

Il-familja Ricketts, li qed timmira li tixtri lil Chelsea, tgħid li se tiltaqa’ mal-partitarji biex ittaffi t-tħassib dwar is-sjieda potenzjali tagħha. Huma wieħed minn sitt gruppi li għamlu l-offerti tagħhom għal Chelsea pubbliċi.

L-offerenti kollha qed jistennew biex ji­sim­għu jekk għamlux il-lista mqassra.

Il-partitarji kkritikaw is-sjieda tal-familja Ricketts tal-konċessjoni tal-baseball Chicago Cubs, kif ukoll kummenti anti-Musulmani li saru mill-patrijarka tal-familja, Joe Ricketts, fl-2019.

Paul Canoville, l-ewwel player tal-football iswed ta’ Chelsea, qal fuq il-midja soċjali: “Allura rajt u smajt biżżejjed. Qed nappoġ­ġja lil  Chelsea Supporters’ Trust (CST) u ngħid LE kontra r-razziżmu kbir għall-offerta ta’ Ricketts.”

Brian Wolff, il-kap tal-grupp ta’ partitarji uffiċjali ta’ Chelsea ta’ Chicago u partitarju tal-Cubs, ħeġġeġ ukoll lil dawk li qed jieħdu ħsieb il-bejgħ biex jirrifjutaw l-offerta ta’ Ricketts favur għażliet oħra wara li sostna li kienet milqugħa b’“disprezz universali” mill-partitarji fl-Istati Uniti u mad-dinja kol­lha.

Huwa staqsa l-lealtà politika tal-familja u qal li offerti oħra “jimpenjaw ruħhom li mhux biss jibnu fuq l-aħħar 20 sena ta’ investiment fil-players u fl-infrastruttura iżda, ugwalment importanti, l-investiment fil-partitarji u l-valuri li nżommu għal qalbna.”

Madankollu, sorsi qrib il-familja Ricketts qalu li Joe Ricketts ma jkollu ebda rwol jew involviment fl-offerta għal Chelsea, li qed titmexxa minn uliedu Tom, Todd u Laura, li – kuntrarjament għall-familja Repubblikana tagħha – hija Demokratika.

Huwa mifhum li l-familja trid titkellem ma’ Chelsea Supporters’ Trust u Chelsea Pitch Owners, li għandhom il-proprjetà ta’ Stamford Bridge, u diġà tkellmu mal-Mem­bru Parlamentari għal Chelsea u Fulham, Greg Hands.

Is-CST hija lesta li tiltaqa’ ma’ kwalunkwe sidien prospettivi u nhar it-Tnejn qalet li trid li l-gvern “jiskonta kwalunkwe offerta li ma tkunx lesta toħroġ ishma lill-partitarji”.

Dan ikun ifisser drittijiet speċjali ta’ veto biex jimblukkaw deċiżjonijiet ewlenin bħal Chelsea li jiċċaqilqu mill-istadium preżenti, li jinbidlu l-kuluri tal-club jew il-badge tiegħu.

Ekonomija

Sport