Kien eżatt 15-il sena ilu, meta mal-Italja kollha ġriet l-aħbar li Yara, tfajla ta’ 13-il sena kienet sparixxiet. Kulħadd ifittex biex jara fejn setgħet marret… iżda wara tliet xhur ta’ tfittxija hija nstabet bla ħajja.
Hija kienet sparixxiet wara li attendiet ċentru sportiv f’Brembate di Sopra fil-Lombardy fl-Italja.
Dakinhar kienet qiegħda tipprepara biex tieħu seħem f’kompetizzjoni fl-isports li kien tant għal qalbha.
Hija kienet instabet maqtula fiż-żona industrijali ta’ Chignolo d’Isola li jinsab għaxar kilometri ‘l bogħod mid-dar tagħha.
Min qatilha ta diversi daqqiet ta’ sikkina u anke daqqiet fuq rasha. L-investigaturi qalu li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-qattiel ipprova jabbuża sesswalment.
Dwar dan il-każ f’Ġunju tal-2014 kien ġie arrestat u tressaq il-Qorti Massimo Bossetti. Fl-1 ta’ Lulju tal-2016 hu nstab ħati u ġie kkundannat għomru l-ħabs.


