Il-każ ta’ Julia Wandelt – it-tfajla Pollakka li fl-aħħar jiem ħarġet fil-midja soċjali tappella għall-għajnuna minħabba li qiegħda tallega li hi tista’ tkun Madeleine McCann – kompla jevolvi u fl-istess ħin jikkomplika ruħu.
Dan wara li l-ġenituri Pollakki qegħdin jirrifjutaw li jagħmlu test tad-DNA skont kif mitlub minn Fia Johansson, ir-rappreżentanta ta’ Julia Wandelt.
Johansson hija l-Psikologa u wkoll detective privat li qiegħda tagħmel minn kollox biex il-misteru ta’ Madeleine McCann jiġi solvut kemm jista’ jkun malajr mingħajr ma jkun hemm pressjoni żejda fuq il-familja McCann.
Fia qiegħda tinsisti li xi ħadd mill-ġenituri Pollakki jagħmel it-test tad-DNA, liema test jista’ jitfa’ dawl ġdid fuq l-għajbien taċ-ċkejkna McCann li kienet għebet waqt vaganza mal-ġenituri tagħha fil-Portugall. Il-każ kien seħħ f’Mejju tal-2007 meta kellha biss tliet snin.
Għal diversi snin il-ġenituri ta’ Madeleine, Kate u Gerry McCann għamlu appelli kontinwi bil-għan li binthom tinstab.