Kulħadd jitwieled f’familja, anke jekk huma diversi l-forom ta’ familji li jeżistu. Irrispettivament mill-forma, il-familja tibqa’ s-sinsla ta’ soċjetà robusta. Tibqa’ l-pedament għall-formazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa għalhekk li l-Gvern jibqa’ sod fl-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja l-familji kollha, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol vitali tagħhom fil-promozzjoni tal-istabbiltà soċjali, il-koeżjoni u l-prosperità fit-tul.
F’dan l-isfond, hu meħtieġ ukoll li l-policies nazzjonali jibqgħu jkunu aġġornati maż-żminijiet biex ikunu jirriflettu r-realtajiet li kontinwament qegħdin jinbidlu u l-bżonnijiet diversi tal-familji b’mod ekwu, inklussiv u b’approċċ li jħares lejn il-ġejjieni.
Il-Pjan Soċjali għall-Familja, li tnieda l-Ġimgħa li għadda, jippreżenta l-viżjoni strateġika tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin bil-għan li jissaħħu l-familji, irrispettivament mill-kompożizzjoni u l-isfond tagħhom. Mibni fuq il-prinċipji tal-benesseri, id-diversità u r-reżiljenza, dan il-Pjan jipprovdi azzjonijiet tanġibbli li se jkomplu jgħinu lill-familji u jsaħħaħhom fid-diversi forom tagħhom.
Il-Gvern se jkun qiegħed jaħdem fuq aktar minn 70 miżura, ilkoll immirati biex iservu ta’ sostenn għall-familji. It-titjib fir-rata ta’ fertilità ta’ Malta hi ċentrali f’dan il-pjan anke fid-dawl tal-fatt li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ fertilità fl-Ewropa. Fil-fatt, il-Gvern qiegħed iħares lejn inċentivi finanzjarji ġodda fosthom rati ta’ taxxa aktar favorevoli għal ġenituri li għandhom aktar minn wild wieħed, żidiet fiċ-children’s allowance u r-rifużjoni fuq attivitajiet extra-kurrikulari.
Barra minn hekk, il-Pjan jitkellem dwar għajnuna mmirata għall-familji fosthom dawk vulnerabbli, dwar kif se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet fil-familji billi jitqatta’ aktar ħin ta’ kwalità u allura jenfasizza dwar diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali dwar żieda fil-leave tal-maternità u l-paternità.
Diskussjoni li ċertament se tqanqal interess hija dik li jonqos l-aċċess ta’ tfal taħt it-13-il sena għall-midja soċjali billi jkun hemm monitoraġġ u li dan isir mal-ġenituri u l-istakeholders kollha. Sfortunatament qegħdin naraw wisq każi fejn tfal isibuha diffiċli biex jagħmlu interazzjoni ma’ sħabhom anke għaliex il-mezz primarju ta’ interazzjoni soċjali huwa mal-mobile jew tablet. Din hija wkoll sfida għall-ġenituri li jridu jaraw li wliedhom ma jiġux assorbiti mill-kunċett tal-midja soċjali.
Għalhekk id-deċiżjoni li trid tittieħed mhix se tkun waħda faċli u nifhmu wkoll li mhux kulħadd se jkun qed jaqbel fis-sħiħ magħha, iżda bi djalogu wiesgħa, bħala soċjetà waħda magħquda, irridu nagħrfu din ir-realtà u noħorġu bl-aqwa soluzzjonijiet.
Flimkien ukoll nistgħu nkomplu nsaħħu r-rwol tal-familji tagħna f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla u ninsabu ottimisti li l-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030 se jkun pass ieħor importanti lejn it-tfassil ta’ soċjetà aktar inklussiva, li tiżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura u kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.