Il-familji Maltin u Għawdxin issa jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ aktar b’saħħtu mill-Gvern biex jinvestu f’soluzzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija u teknoloġiji li jiffrankaw l-ilma fid-djar tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Enerġija u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), tħabbru għadd ta’ skemi aġġornati li għandhom l-għan li jippromwovu stil ta’ ħajja aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-individwi privati.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Dr Miriam Dalli, enfasizzat l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ Malta filwaqt li jgħinu lill-familji jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. “Aħna impenjati li nappoġġjaw lill-familji jagħmlu għażliet sostenibbli li jagħmlu sens kemm mill-aspett ambjentali kif ukoll ekonomiku. Dawn l-għotjiet huma eżempju ċar ta’ kif il-politika tista’ ttejjeb direttament il-kwalità tal-ħajja tan-nies u fl-istess ħin tibni pajjiż aktar reżiljenti u sostenibbli,” sostniet il-Ministru Miriam Dalli.
Fost l-aġġornamenti l-aktar sinifikanti hemm l-introduzzjoni ta’ għotja ġdida għall-pannelli fotovoltajċi (PV) li huma konnessi direttament ma’ sistemi ta’ tisħin tal-ilma, li tkopri 50% tal-ispejjeż eliġibbli sa massimu ta’ €700. Dan jippermetti lill-familji jiġġeneraw l-elettriku esklussivament għat-tisħin tal-ilma mingħajr ma jaffettwa l-limitu tal-meter tal-PV, u jeħtieġ ftit xogħol ta’ installazzjoni meta mqabbel ma’ heaters solari tradizzjonali.
Skemi oħra jinkludu:
- Għotja għall-heater tal-ilma b’heat pump: b’żieda minn €1,000 għal €1,400, u tkopri 50% tal-ispejjeż.
- Għotja għal solar water heater: tkopri 75% tal-ispejjeż sa massimu ta’ €1,400, flimkien ma’ għotja addizzjonali ta’ €500 għat-tiswija wara ħames snin.
Il-proċess tal-applikazzjoni għal dawn l-iskemi ġie wkoll simplifikat. L-ewwel pass—Parti A—issa huwa kompletament awtomatizzat, u jipprovdi approvazzjoni immedjata meta jiġu sodisfatti l-kriterji tal-eliġibilità.
Ir-REWS se jkompli wkoll jagħti s-sapport tiegħu permezz ta’ għadd ta’ skemi residenzjali li għadhom għaddejjin:
- Għotja għar-restawr ta’ ċisterni: tkopri 50% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €1,000.
- Għotja għar-roof insulation u double glazing: tkopri 50% tal-ispejjeż ta’ retrofitting, sa massimu ta’ €1,000.
- Għotja għall-carbon filters: tkopri 60% tal-ispejjeż, sa massimu ta’ €100.
- Għotja għas-sistema tar-Reverse Osmosis: tkopri sa €300, skont it-tip tas-sistema.
Waqt l-istess konferenza, l-Inġ. Marjohn Abela, Kap Eżekuttiv tar-REWS, saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-iskemi fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà u l-effiċjenza fl-enerġija. “Permezz ta’ dawn l-iskemi, qed noffru lill-familji soluzzjonijiet prattiċi u affordabbli biex jadottaw teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma. L-għan tagħna hu li nagħmluha aktar faċli għal individwi biex jinvestu f’alternattivi ekoloġiċi, biex b’hekk innaqqsu d-dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u nippromwovu futur aktar sostenibbli,” qal l-Inġ Abela.