Saturday, December 21, 2024

Il-familji sidien ta’ djarhom jikber b’26.5% f’seba’ snin

Aqra wkoll

F’seba’ snin, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kiber b’26.5 fil-mija. Dan joħrog minn statistika mxandra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wera li matul l-2019 l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom kien ilaħħaq 151,260 – żieda ta’ 31,704 fuq l-2013. 

Dan kien ifisser li tmienja minn kull għaxar t’idjar f’Malta u Għawdex huma proprjetà ta’ dawk li jgħixu fihom. Il-kumplament huma mikrija jew min jgħix fihom ma jħallasx kera. 

L-għadd ta’ postijiet mikrija fl-2019 kien ta’ ftit aktar minn 45,000 – żieda ta’ 8,800 fuq l-2013.

L-Uffiċċju tal-Istatistika ġabar l-informazzjoni tiegħu fi stħarriġ fost 4,000 familja dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-familji f’Malta u Għawdex.

L-istatistika turi li tliet kwarti mis-sidien m’għandhom l-ebda piż fuq djarhom, filwaqt li l-kumplament għadhom iħallsu s-self li għamlu biex xtraw darhom.

L-għadd ta’ familji li xtraw id-dar tagħhom matul l-2019 żdied b’madwar 3,300 fuq is-sena ta’ qabel.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li għal darb’oħra dawn iċ-ċifri wrew li Malta hija fost dawk il-pajjiżi li għandhom rata qawwija ta’ familji  proprjetarji ta’ djarhom.  

Il-Ministru Falzon żied jgħid li dawn huma riżultati verament pożittivi meta wieħed iqis it-tkabbir li seħħ fil-popolazzjoni f’dawn l-aħħar snin. 

Aktar minn 58 fil-mija tad-djar huma appartamenti jew maisonettes. Il-kumplament huma djar detached jew semi-detached. Il-parti l-kbira tar-residenzi fihom ħamest ikmamar. 

L-istħarriġ wera li minn popolazzjoni ta’ 467,000, madwar 17,700 persuna ħassewhom li qed jgħixu fi djar relattivament żgħar għad-daqs tal-familja. Kważi nofshom huma kklassifikati li huma f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

L-istatistika titfa’ dawl ukoll fuq kif il-familji jqisu l-ispejjeż tad-djar tagħhom. Fl-2019, ftit aktar minn 78 fil-mija stqarrew li l-ispejjeż mhuma tal-ebda xkiel jew ta’ piż baxx, filwaqt li madwar 22 fil-mija jħossu l-ispejjeż bħala piż kbir fuqhom.

Ekonomija

Sport