Xi kultant isiru studji dwar il-faqar f’pajjiżna u jekk dan huwiex jonqos jew jiżdied. Ħadd ma jista jiċħad li l-problema tal-faqar mhijiex fenomenu biss tal-preżent imma ilha magħna snin twal tant li saħansitra tmur lura għal żmien it-tallaba fit-toroq. tmur lura għal żmien ukoll fejn bosta reliġjużi kienu jħabbtu l-bibien jittalbu l-ikel għal foqra.
Dak iż-żmien iżda għadda u mar u m’għadx fadal tallaba grazzi għal ħafna benefiċċji soċjali li kienu introdotti minn żmien għal żmien mill-gvernijiet l-iktar meta fil-gvern kien hemm il-Partit Laburista. Minkejja dawk il-miżuri soċjali kollha li ħolqu l-‘welfare state’, f’pajjiżna għad hawn min jgħix fil-faqar anki jekk dan naqas fl-aħħar snin.
Iżda donnu li pajjiżna jgħix fil-kuntradizzjonijiet. Għax minkejja dak kollu li jingħad dwar il-faqar speċjalment wara li tfeġġ xi statistika, il-logħob għall-flus, legali jew mhux, għadu qawwi f’pajjiżna. U aktarx illi huma dawk l-iktar vulnerabbli li jaqgħu fil-vizzju, ġeneralment dawk li l-inqas jifilħu u dawk li diġa għandhom problemi.
Għax propju hija l-problema ta’ nuqqas ta’ flus li jimbuttawhom lejn ir-riskji tal-logħob, bit-tama illużjonarja li bil-logħob jistgħu xi darba jirbħu u joħorġu mis-sitwazzjoni li jkunu fiha.
Il-Lotteriji istituzzjonaliżżati u kwalunkwe logħob ieħor, bil-pubbliċità li jingħataw ħafna drabi jsaħħu din il-perċezzjoni fost in-nies li qajla jirrealizzaw illi mal-logħob m’inti rebbieħ qatt. B’hekk, il-problema ma tiqafx u bħal kull qasam soċjali ieħor, tinfirex u tolqot kull settur tat-tessut soċjali.
Skont studji li saru, il-livell ta’ Maltin li jilagħbu flushom huwa fl-istess livell medju tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u b’xorti tajba, f’pajjiżna hawn l-għajnuna kollha li wieħed jista’ jfittex u jsib biex joħroġ mill-vizzju tal-logħob.
Istituzzjonijiet bħal Caritas u Sedqa kemm-il darba stqarrew li l-logħob tal-ażżard huwa vizzju ikrah u kemm il-konsegwenzi tiegħu huma mifruxin. Il-logħob irresponsabbli iwassal għall-faqar u l-kriminalità u x’aktarx li fejn il-faqar ikun diġà mifrux ikompli jifirxu u l-kriminalità u l-użura li jġib miegħu ikunu akbar u aktar qawwija.
Minkejja li napprezzaw kemm huwa diffiċli li persuna toħroġ minn vizzju li jkunu ilu magħha s-snin, aħna fiduċjużi li l-kampanji edukattivi li qed isiru jistgħu jħallu effetti pożittivi fuq dawn. B’dankollu iżda, nemmnu li għandu jsir iktar minn hekk biex dawk li jħobbu jilagħbu flushom u jridu li jibqgħu jagħmlu hekk, almenu jilagħbu b’mod responsabbli u jkunu konxji wkoll tal-limitu sa fejn jistgħu jaslu.