Mill-15 ta’ April 2023 se jiġi estiż il-kunċett ta’ Farmers’ Market fil-Birgu, sabiex il-prodotti agrikoli tal-bdiewa Maltin u Għawdxin jitwasslu aktar qrib in-nies fl-irħula tagħna.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Refalo qal li l-gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fis-swieq tal-bdiewa billi joffri esperjenza aħjar lill-konsumatur u lil viżitaturi tal-Farmers’ Market u stqarr li “Minħabba l-fatt li s-suq li preżentament isir f’Ta Qali’ jintlaqa’ b’mod tajjeb kemm mill-bdiewa li jbiegħu prodotti lokali u anka mill-konsumatur, issa ser inkunu qegħdin nestendu dan il-Farmers’ Market f’diversi lokalitajiet oħra, sabiex il-prodott lokali ikun viċin aktar tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva u qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li tara l-kunsilli lokali jagħtu l-kontribut tagħhom favur is-sostenn ta’ prodotti lokali. “L-għan ta’ dawn is-swieq huwa li jippromwovu agrikoltura sostenibbli, isostnu lill-bdiewa lokali u jipprovdu ikel frisk lill-komunitajiet, għaldaqstant is-segretarjat għall-gvern lokali jħares ‘il quddiem għal aktar kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Maltija għall-Ikel u l-kunsilli lokali.”
Dan seta’ jsir wara ħidma mis-sezzjoni ta’ Sorveljanza fi ħdan l-Aġenzija Maltija għall-Ikel, li ta’ kuljum taħdem qatigħ sabiex issaħħaħ il-prodott lokali b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Il-Ministru Refalo, temm jgħid li “L-għan tas-swieq tal-bdiewa, huwa li joħloq spazju fejn il-bidwi, ir-raħħal u l-produttur ta’ prodotti agrikoli lokali jbigħ dirett lill-konsumatur u lill-familji l-prodotti tiegħu, u b’hekk jiġi ġġenerat qligħ xieraq u ġust lill-produttur u prezz tajjeb lill-konsumatur. Bħal dejjem bħala ministeru, kommessi li nkomplu naraw li jkollna aktar investimenti fis-swieq tal-bdiewa billi noffru esperjenza aħjar lill-konsumatur u lill-viżitaturi ta’ kull Farmers’ Market.”