Monday, December 30, 2024

Il-Farsons Beer Festival mill-ġdid f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

Il-Farsons Beer Festival, l-akbar avveniment tas-sajf f’Malta, se jerġa’ jittella’ wara waqfa ta’ sentejn. L-40 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival se ssir mill-Ħamis, 28 ta’ Lulju sas-Sibt 6 ta’ Awwissu fil-Picnic Area, Ta’ Qali. Id-dħul bla ħlas. Dan tħabbar f’konferenza stampa li saret ġewwa The Brewhouse, l-aħħar proġett ta’ investiment tal-Grupp Farsons.

Il-Festival joffri ċelebrazzjoni tal-aqwa birer lokali u internazzjonali mżewqa bl-aqwa talent lokali.

Is-Sa Adriana Lupo, Business Support Manager f’Simonds Farsons Cisk plc u Koordinatriċi tal-Festival, qalet: “Sodisfatti li nistgħu ntellgħu edizzjoni oħra ta’ dan il-Festival tant mistenni. Fl-aħħar sentejn ħassejna ħafna n-nuqqas tiegħu, u issa lkoll ħerqanin għalih. L-edizzjoni ta’ din is-sena, bħall-edizzjonijiet ta’ qabilha, se jkun fiha xi ħaġa għal kulħadd u se toffri ljieli divertenti għal nies ta’ kull età, għall-familji u għall-ħbieb.”

L-għażla wiesgħa tal-birer lokali u internazzjonali, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, li se jkun hemm hija l-qofol tal-Festival. Tinkludi l-marki lokali tal-portafoll kollu taċ-Cisk Lager, jiġifieri, Cisk Excel, Cisk Pilsner, Cisk Chill, Cisk Strong u Cisk 0.0. Se jkun hemm ukoll il-birer klassiċi ta’ Farsons, ewlenin fosthom il-Blue Label Amber Ale, id-Double Red Strong Ale u l-Green Hop IPA.

Fost il-marki tal-birer internazzjonali hemm Carlsberg, Budweiser, Corona, Beck’s, Desperados, Hop House 13, Newcastle, Kilkenny u Guinness kif ukoll il-birer artiġjanali internazzjonali St Austell mir-Renju Unit u Baladin mill-Italja.
Se jkun hemm anke l-birra gluten-free Bellfield u l-birer ta’ bla alkoħol Cisk 0.0 u Carlsberg 0.0, kif ukoll għażla ta’ ciders magħrufa.

Mill-bars ewlenin se tkun tista’ tixtri l-mug uffiċjali tal-40 edizzjoni tal-Festival.

Il-Festival se jinkludi 70 prestazzjoni fi 3 bnadi differenti minn artisti u gruppi mużikali lokali, fosthom Ira Losco, Tribali, The Travellers, u Red Electric fuq il-palk prinċipali; u BNI, Club Murder, Lapes u Fire fuq il-palkijiet l-oħra.

Se tirritorna wkoll il-Casa Electronica b’għadd ta’ DJs lokali mfittxija, bħal Miss Roberta, DJ Armani u Carlo Gerada, fost l-oħrajn.

Iż-żgħar ukoll jistgħu jgawdu l-Festival bl-attivitajiet ta’ animazzjoni kull filgħaxija mit-8:30pm sal-10pm fiż-Żona tat-Tfal.

B’rabta mal-impenn ta’ Farsons li jagħmel il-Festival aktar ekoloġiku b’inqas oġġetti tal-plastik li jintużaw darba, il-birer u s-soft drinks, għal darb’oħra, se jisservew f’tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dawn jistgħu jinxtraw f’żewġ daqsijiet, 25ċl u 50ċl, mill-bars kollha. Jistgħu jerġgħu jintużaw f’kull serata tal-Festival, u fejn il-bars se jkun hemm ukoll għadd ta’ postijiet fejn tista’ tlaħlaħhom. Kull min jiġi l-Festival hu mħeġġeġ biex jarmi l-iskart tiegħu kif jixraq fil-postijiet apposta.

“Ninsabu kuntenti li aħna l-isponsors ewlenin u qed nipprovdu s-servizz ta’ konnettivitá għal matul il-jiem tal-Farsons Beerfest. Dawk kollha li se jkunu qed jattendu tul l-għaxar t’ijiem dan ta’ il-festival, se jkollhom iċ-ċans li iibbenefikaw
minn numru ta’ offerti speċjali. Dan jista’ jsir meta wieħed iżur l-istand tagħna waqt dan l-avveniment tant mistenni, kif ukoll billi jipparteċipa f’kompetizzjonijiet għal premijiet mogħtija minn Epic,” qal is-Sur Karl Galea Epic Chief Marketing Officer.

Is-Sa Susan Weenink Camilleri, Head of Sales and Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qalet li, “Dan hu avveniment kbir li ilu għaddej snin sħaħ f’Malta, u kburin li matul is-snin bqajna nevolvu u niżviluppaw il-Festival max-xejriet il-ġodda tas-suq, kemm fejn tidħol l-għażla tal-birra, l-għażla mużikali u l-ikel, u kemm f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltà ambjentali, l-immaġni u d-disinn, u t-teknoloġija.”

F’din l-edizzjoni se tintuża s-sistema tat-tokens diġitali, u biex tixtri mill-bars trid kard. Din l-RFID card hi komda għax biha tista’ tħallas faċilment.

L-40 edizzjoni tal-Festival tal-Birra ta’ Farsons hu sponsorjat minn Epic u appoġġjat mill-PRS for Music, Vibe, Uber, Peperami u Snickers.

Ekonomija

Sport