Thursday, July 24, 2025

‘Il-fatt li jien omm iżda fl-istess waqt intraprenditriċi, tatni s-saħħa li nimxi ‘l quddiem’ – Svetlana Frühwald – Mrs Austria Globe 2025

Aqra wkoll

Svetlana Frühwald riċentement rebħet il-kompetizzjoni ta’ Mrs Austria Globe 2025 li huwa kkunsidrat bħala titlu prestiġjuż li jikkuruna lil xi mara miżżewġa li tkun uriet eleganza, intelliġenza, u impenn soċjali. Svetlanda twieldet fil-belt Awstrijaka ta’ Salzburg u hija mara, omm, u intraprenditriċi li għaqqdet il-ħajja familjari ma’ karriera ta’ suċċess fil-qasam tan-negozju.

Barra mill-karriera tagħha, Svetlana hija impenjata fil-komunità u fil-filantropija. Hija serviet bħala kelliema għall-WIN Foundation International, organizzazzjoni mhux governattiva li tgħin lin-nisa li għaddew minn esperjenzi ta’ abbuż. Il-WIN Foundation hija magħrufa għall-appoġġ tagħha lill-mara u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, xi ħaġa li għal Svetlana hu ferm għal qalbha.

Il-kuruna ta’ Mrs Austria Globe 2025 kienet riżultat ta’ kompetizzjoni prestiġjuża li tgħaqqad il-valuri ta’ eleganza, intelliġenza, u impenn soċjali. Il-kompetizzjoni hija parti minn Mrs Globe, li hija l-akbar kompetizzjoni internazzjonali għall-mara miżżewġa, li tiffoka fuq il-filantropija u l-empowerment tan-nisa.

Riċentement Svetlana kienet f’Malta sabiex tieħu sehem f’attivita’ organizzata mid-direttriċi ta’ Mrs Austria Globe Hannelie Van Wyk u d-direttriċi artistika Ekaterina Camilleri. Hi tatna l-kummenti dwar il-ħidma tagħha kif ukoll l-objettivi futuri.

Il-kuruna ta’ Mrs. Austria Globe 2025 mhix biss simbolu ta’ eleganza, iżda riflessjoni tal-valuri ta’ intelliġenza u impenn soċjali li Svetlana turi. Din il-kompetizzjoni, li hija parti mill-Mrs Globe, tiffoka fuq il-filantropija u fuq il-qawwa tan-nisa miżżewġa li jixtiequ jagħmlu differenza fil-komunità tagħhom. Mrs. Globe hija waħda mill-akbar kompetizzjonijiet internazzjonali li tagħti valur lir-rwol tal-mara miżżewġa bħala voċe ta’ bidla u sforz komunitarju.

Kif spjegajna wkoll, barra mill-karriera tagħha, Svetlana hija kelliema għall-WIN Foundation International, organizzazzjoni mhux governattiva li tagħti appoġġ lin-nisa li għaddew minn esperjenzi ta’ abbuż.

“Għandi għal qalbi dan il-qasam u nħobb ngħin ħafna lill-batut. Sfortunatament hawn ħafna nisa li qed ibatu fis-silenzju u hemm bżonn li jkun hemm wieħed isemma’ leħnu. Jien il-portavuċi tagħhom għax nemmen ħafna li l-messaġġ irid jasal.”

Din l-attività fi ħdan il-WIN Foundation turi l-impenn profond tagħha lejn il-bini ta’ komunità li tappoġġja lil kulħadd u tippromwovi ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk Svetlana tibqa’ vuċi qawwija għall-filantropija, fejn tgħid li kull wieħed għandu rwol f’din il-bidla soċjali.

Filwaqt li tiffaċċja l-isfidi ta’ mara moderna, Svetlana tagħti importanza kbira lill-familja tagħha. “Il-fatt li jien omm iżda fl-istess waqt intraprenditriċi, tatni s-saħħa li nimxi ‘l quddiem. Din kienet il-forza li tarani dejjem fuq quddiem fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna.”

Il-bilanċ bejn il-ħajja familjari u l-karriera hija sfida, iżda Svetlana tirnexxilha bl-organizzazzjoni u l-appoġġ tal-maħbubin tagħha.

Hi tħeġġeġ lin-nisa oħra biex dejjem jippruvaw ikunu l-aqwa verżjoni tagħhom infushom u biex ma jitħallux jieqfu milli jagħmlu dak li jixtiequ.

“Jien dejjem insemmi motto partikolari – mill-uffiċju tiegħi għall-kuruna. Kull ħolma kapaċi sseħħ, dejjem jekk temmen fiha,” hi tgħid b’fiduċja kbira.

Svetlana tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu u determinazzjoni. Il-miri tagħha huma li tkompli tespandi MAGIC PEARL biex toffri servizzi aktar innovattivi u personalizzati, u biex tkompli l-impenn tagħha fil-qasam tal-filantropija, partikolarment billi tgħin lin-nisa vulnerabbli. Hi temmen li n-nisa għandhom isiru aktar b’saħħithom u jkollhom iktar opportunitajiet biex jagħmlu differenza fil-komunità tagħhom.

Svetlana tgħaddi messaġġ qawwi lil dawk in-nisa li jixtiequ jimxu fuq il-passi tagħha: 

“Dejjem ippruvaw tkun l-aqwa verżjoni tagħkom infuskom. Il-futur huwa tagħkom u xejn m’għandu jżommok milli tistgħu timxu ’l quddiem u timxu wara l-ħolm tagħkom.”

Svetlana Frühwald hija eżempju ta’ mara li tgħaqqad il-ħajja familjari, il-karriera, u l-impenn soċjali b’mod armonjuż. Il-kuruna ta’ Mrs. Austria Globe 2025 hija riflessjoni tal-valuri tagħha u tal-kontribuzzjoni tagħha lill-komunità. Hija ispirazzjoni għal ħafna nisa li jixtiequ jiksbu bilanċ bejn il-ħajja personali u professjonali.

F’kumment ieħor qasir, tkellmet ukoll id-direttriċi u mudella mill-Afrika t’Isfel Hannelie Van Wyk, li dan l-aħħar bdiet tieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali.

Hannelie Van Wyk hi omm u għalhekk tieħu ħsieb uliedha bl-aqwa għożża possibbli. 

Għax kif tgħid hi “meta tkun omm, dejjem tibqa’ omm.”

Bħalma nagħmlu bħas-soltu, insaqsu lill-mudelli din il-mistoqsija partikolari. Kemm hu importanti li mudell jew mudella ma tkunx biss sabiħa minn barra iżda minn ġewwa wkoll?

“Kif jgħidu bl-Ingliż, beauty comes from the inside – is-sbuħija tibda minn ġewwa. Persuna tista’ tkun sabiħa kemm trid iżda jekk ma turix il-ġentilezza tagħha minn ġewwa, kollu għalxejn. Għalhekk mudella għandha tkun sabiħa l-ewwel minn ġewwa u eventwalment minn barra għax imbagħad kif jgħidu l-ewwel li tolqot l-għajn.”

Van Wyk tgħid ukoll li kienet kuntenta meta l-ġurnali ta’ pajjiżha kitbu artiklu fuqha b’mod partikolari fit-tieni pożizzjoni li kisbet f’Mrs Malta 2022. Hi dehret f’waħda mill-paġni ta’ ġurnal lokali bir-ritratt tagħha qed tiżfila fuq il-palk jew kif jgħidulu bl-Ingliż catwalk.

Finalment tlabna wkoll lil Hannelie Van Wyk sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“L-ewwelnett bħalma qalet il-kollega tiegħi Svetlana, qatt taqta’ qalbek. Irsisti kemm tiflaħ, ħu l-ħin tiegħek, dejjem ibqa’ saqajk mal-art u qatt tibża’ tesperimenta. Wara kollox bl-iżbalji titgħallem.”

“Fl-istess waqt ngħidilhom ukoll sabiex jibdew bil-mod jipprattikaw u eventwalment jekk jiġihom iċ-ċans, imorru għalih!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport