Friday, November 15, 2024

“Il-fatt li ningħata għall-oħrajn jagħmilni parti minn familja ikbar – dik tal-familja ta’ Alla”

- REV. KARL ANDREW SCHEMBRI

Aqra wkoll

Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?

Minn meta kont żgħir, il-familja tiegħi, speċjalment in-nanniet, kienu għallmuni nitlob u minn dak iż-żmien qisu dejjem kelli post speċjali f’qalbi għall-Knisja u għal Ġesú. Il-ferħ li kont inħoss mill-esperjenza tat-talb kienet tħalli marka fuqi u bdejt infittex biex nara iżjed x’inhi l-Knisja.

Imbagħad kien hemm ukoll diversi affarijiet u esperjenzi li għenuni niskopri iżjed is-sejħa. Fost dawn insemmi saċerdoti li kelli fil-familja u li kont nieħu gost insir naf dwarhom, saċerdoti oħra li kont niltaqa’ magħhom, l-arti u l-kulturá fil-Knisja, il-MUSEUM, ħbieb li magħhom kont inqatta’ ħafna ħin u tant persuni oħra li bl-imħabba tagħhom għall-knisja u għall-poplu ta’ Alla, ispirawni biex jien ukoll nagħraf kif inħobb iżjed lill-oħrajn b’diversi modi li wasslitni biex nieħu deċiżjoni u nibda l-formazzjoni tiegħi fis-Seminarju.

Jinkwetak il-fatt li fil-preżent hemm biss 12-il seminarista fis-Seminarju tal-Arcisqof?

Xi ftit iva. Però dejjem inżomm f’moħħi li mhux in-numru kollox. L-iżjed ħaġa importanti l-persuna, anzi l-kwalità li biha naqdu l-ministeru kemm tad-Djakonat kif ukoll tal-Presbiterat. Ġesù stess m’għażilx ħafna, għażel ftit biex ikunu miegħU, u dawn ukoll sabuha diffiċli jibqgħu miegħU sal-aħħar. Mela, ejjew nagħmlu l-qalb u ma nibżgħux naffaċċjaw ir-realtajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja, għax nafu żgur li Ġesù huwa magħna dejjem; huwa aħna li ma nibqgħux miegħU. Jien din nixtieq li nżomm f’qalbi, li nibqa’ dejjem marbut miegħU.
 
Tħoss li hawn kriżi ta’ vokazzjonijiet saċerdotali f’pajjiżna?

Kriżijiet hawn ħafna. Kultant aħna stess noħolqu kriżi u biex insolvu waħda, drabi wkoll nikkawzaw oħra. Irridu nħallu iżjed lil Ġesú jidħol hu fil-kriżijiet tagħna. Ngħidu aħna, din tal-vokazzjonijiet, mhux aħna li kultant bl-attitudni tagħna stess intellfu milli wieħed ikollu esperjenza vera ta’ Ġesù? Irridu nkunu iżjed viċin tiegħU ħalli ma’ kull min niltaqgħu, jiltaqa’ ma’ Ġesù u mhux magħna.
 
Min hu Kristu għalik?

Għalija, Kristu huwa mħabba. “M’hemmx imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal dawk li jħobb.” Din tfakkarni f’Ġesù Kristu, li miet fuq is-Salib. Għalija s-Salib huwa kollox. Huwa bħal siġra li tagħti l-ħajja. Għalina l-insara, is-Salib mhux dlam imma dawl.
 
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?

Nittama li ħafna. Ċert li diffikultajiet se nsib. Il-prova hija: kif se nitratta dawn id-diffikultajiet. Kif diġá għidt, nixtieq inħalli s-salib jispirani ħalli nħobb dejjem iżjed.
 
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?

Jogħġobni ħafna l-kuntatt man-nies u l-Ewkaristija. Ibeżżgħani li ma nwassalx bl-aħjar mod lil Ġesù Kristu għand kulħadd. Li nagħżel dak li jaqbel lili biss.
 
Xtaqt ikollok familja tiegħek jew għażilt li ssir saċerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?

Il-ħsieb li jkolli familja għadda minn moħħi ħafna drabi, però qatt ma bżajt mill-fatt li ma jkollix il-familja tiegħi. Inħoss li l-fatt li ningħata għall-oħrajn jagħmilni parti minn familja ikbar – dik tal-familja ta’ Alla.
 
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetá tal-lum? Min hu l-qassis?

Li jakkumpanja lin-nies f’kull livell tal-ħajja tagħhom. Jakkumpanja billi jwasslilhom il-Kelma ta’ Alla, il-ħniena ta’ Alla, u l-Ewkaristija. Is-Sagramenti huma sinjal ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Il-Qassis jgħin lill-poplu jfittex iżjed u jiskopri min hu Alla.
 
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?

Ma tantx jersqu għax kultant maħkumin mill-biżá jew għax fil-Knisja ġieli kien hemm saċerdoti li ġabu ruħhom ħażin. Però, dan m’għandux ifixkel ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Id-dixxipli li kienu fit-triq lejn Għemmaws, m’għarfux lil Ġesù għalkemm dawn kienu għexu miegħU. Jeħtieġ li mill-aktar fis, fil-ħajja tagħna naraw x’inhu s-sinjal ta’ Alla għalina, qabel ma jkun tard wisq, ħalli nagħrfu li minn Ġesù fuq is-salib aħna nieħdu l-ħajja. Irridu nagħmlu kuraġġ lil xulxin, hawn ħafna żgħażagħ tajbin li lesti joffru lilhom infushom b’modi differenti fis-soċjetà, ejja nagħmlulhom kuraġġ!

“Kristu huwa l-pedament ta’ ħajti li jmexxini fid-diversi stadji tal-ħajja”

– REV. MALCOLM SALIBA
 
Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?

Kienu l-esperjenzi li għamilt ta’ volontarjat kemm hawn Malta kif ukoll barra minn Malta, f’Palermo u f’Londra mas-Sorijiet ta’ Madre Tereża li ħassejt li l-Mulej qiegħed isejjaħli għal din is-sejħa saċerdotali. F’dawn l-esperjenzi, iltqajt ma’ tant nies li jinsabu fil-periferiji tas-soċjetà bi bżonnijiet differenti u li fuq kollox, huma għatxana għal Alla. Permezz tad-direttur spiritwali kif ukoll tal-għajnuna tal-vocations director fi ħdan iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, irrealizzajt li dawn kienu esperjenzi li mmarkaw il-mixja vokazzjonali tiegħi. Ġejt konxju li huwa l-Mulej li hu għatxan għalija b’mod personali biex nagħti ħajti b’mod totali bħala saċerdot fil-Knisja.
 
Jinkwetak il-fatt li fil-preżent hemm biss 12-il seminarista fis-Seminarju tal-Arcisqof?

Nirringrazzja lil Alla għall-komunità fis-Seminarju. Permezz ta’ kull membru tal-komunità, nagħraf dejjem aħjar minn jien, jiġifieri, l-kwalitajiet u t-talenti tiegħi kif ukoll fejn il-Mulej qiegħed iħeġġiġni biex nikber. Minkejja li n-numru huwa żgħir, xorta waħda nagħraf il-potenzjal ta’ kull wieħed mill-komunità kif ukoll il-ħolm sabiħ illi għandna għall-ġid tal-Knisja. Dejjem napprezza l-fatt kif, bil-għajnuna ta’ Alla, bħala seminaristi nużaw it-talenti tagħna biex dejjem inkunu proattivi fl-attivitajiet komunitarji u pastorali li jkollna ħalli nkunu ppreparati biex naqdu lill-Poplu ta’ Alla fejn il-Mulej jogħġbu jsejħilna biex naqduh.
 
Tħoss li hawn kriżi ta’ vokazzjonijiet saċerdotali f’pajjiżna?

Iktar mill-kriżi, nemmen illi qegħdin ngħixu f’kultura li tħaddan l-individwaliżmu u għalhekk ma skoprejniex kemm hu sabiħ li niltaqgħu flimkien u nisimgħu lil xulxin. Meta jkollna s-sens ta’ smigħ, inkunu kapaċi nirrealizzaw affarijiet ġodda fil-ħajja tagħna. Għalhekk, nemmen illi l-Mulej għadu u jibqa’ jsejjaħ żgħażagħ għal din il-vokazzjoni għażiża tas-saċerdozju. Irridu biss li nkunu attenti għall-esperjenzi li ngħaddu minnhom, inkunu parti minn komunità li temmen, infittxu nies li jridulna l-ġid fil-ħajja tagħna u fuq kollox nitolbu u nisimgħu lil Alla jkellem lill-qalb tagħna.
 
Min hu Kristu għalik?

Għalija Kristu huwa l-gwida tal-ħajja tiegħi. Huwa l-pedament ta’ ħajti li jmexxini fid-diversi stadji tal-ħajja. Permezz ta’ din ir-relazzjoni tant sabiħa li tikber permezz tal-qari tal-Kelma ta’ Alla kif ukoll permezz tal-Ewkaristija, inkun bniedem pożittiv li nixhed għat-twemmin tiegħi kull fejn inkun.
 
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?

Iċ-ċavetta biex inkun Kristu ieħor bħala qassis hija li nfittex kuljum il-ħin għat-talb u għall-qari tal-Kelma ta’ Alla. Dan għandu jkun is-sors ta’ kollox li permezz ta’ dan inkun qassis li, fuq l-eżempju ta’ Kristu, nagħti ħajti għall-oħrajn b’imħabba totali mingħajr kundizzjoni u nixhed għat-twemmin li nxandar.
 
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?

Jogħġobni l-fatt li s-saċerdot huwa dak li bħalma pont jgħaqqad żewġ postijiet differenti, hekk ukoll il-qassis huwa l-pont li jgħaqqad il-bniedem ma’ Alla. Is-saċerdot huwa dak li jaqta’ l-għatx tal-Poplu ta’ Alla permezz tas-sagramenti, fuq kollox l-Ewkaristija, kif ukoll li huwa dejjem viċin in-nies speċjalment dawk li għaddejin minn żminijiet diffiċli, dawk li huma foqra u vulnerabbi fis-soċjetà. Iktar milli biżgħat speċifiċi, bħal kull vokazzjoni, dejjem se jkun hemm it-tlajja’ u l-inżul, u għalhekk, diffikultajiet se jkun hemm ukoll. Hija l-perserveranza, it-talb u l-għajnuna ta’ sħabi saċerdoti li nkun kapaċi naffaċja r-realtà biex insib soluzzjoni.

Xtaqt ikollok familja tiegħek jew għażilt li ssir sacerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?

Bħal kull bniedem ieħor, huwa naturali, li wieħed jixtieq li jkollu l-familja tiegħu. Nirringrazzja lil Alla tal-eżempji sbieħ li għandi tat-trobbija tiegħi kif ukoll tax-xhieda differenti ta’ familji li ltqajt magħhom. 

Nemmen, illi s-saċerdot għandu jieħu ħsieb familja iktar usa’ minn hekk. Huwa għandu r-responsabbiltà li bħala qassis, fil-parroċċa jew fil-ministeru tiegħu, ikun dak il-missier spiritwali li jimxi ma’ kull persuna fil-vjaġġ tiegħu tal-fidi, jiggwida lil kull membru tal-Poplu ta’ Alla fit-triq it-tajba kif ukoll jagħti ħajtu lil oħrajn biex wieħed jiskopri mill-ġdid din l-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed minna kif ukoll iwassal il-paċi ta’ Alla lill-ħutu l-Insara.
 
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?

Fis-soċjetà tal-lum, l-irwol tal-qassis huwa dak li jkun viċin tan-nies fl-istadji differenti tal-ħajja. Huwa għandu jipprattika l-fidi tiegħu fil-konkret billi flimkien ma’ ħutu l-Insara jimxu flimkien biex jiskopru din l-imħabba li Kristu għandu għalina. Il-qassis, illum il-ġurnata, għandu jkun konxju tar-realtajiet li qed jiġru fil-kuntest lokali, biex b’hekk jifhem iktar lill-bniedem kif ukoll jagħti t-tama lil kull bniedem li jiltaqa’ miegħu.
 
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?

Nirringrazzja lil Alla tal-esperjenzi differenti li kelli u għandi fil-preżent maż-żgħażagħ. Huma ż-żgħażagħ li permezz tal-enerġija pożittiva tagħhom qegħdin ifittxu l-Verità billi jagħmlu parti minn diversi komunitajiet differenti li nsibu fil-parroċċi f’Malta kif ukoll fic-Chaplaincies fi ħdan l-Università u l-iskejjel. Dan juri biċ-ċar li ż-żgħażagħ għandhom sehem importanti fil-Knisja għaliex joffru t-talenti tagħhom filwaqt li jiżviluppaw il-ħila li wieħed jgħix f’komunità li titlob u li qiegħda tfittex bis-serjetà lil Alla fil-ħajja. Is-saċerdot għandu jolqot liż-żgħażagħ biex iħallihom ikunu kreattivi, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jagħrfu l-potenzjal sabiħ illi hemm fil-ħajja tagħhom.

Ekonomija

Sport