Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Ommi u missieri t-tnejn kienu jilagħbu l-basketball u resquni lejn dan l-isport minn t’eta` żgħira. Ili nilgħab il-basketball minn mindu kelli erba’ snin. Minn dejjem kont nieħu gost nilgħab il-basketball. Fih għamilt il-ħbieb, u għalhekk serva t`opportunita` fejn stajt nilgħab parti minn tim. Iktar ma kbirt iktar attirani lejh, speċjalment minn ta’ 16-il sena ‘l fuq, fejn kelli l-opportunita` nitgħallem mingħand plejers ikbar u b’iktar esperjenza minni, minħabba li ntgħażilt biex nilgħab mat-tim tal-Ewwel Diviżjoni. Bhal f’kollox fil-ħajja, kultant ikun hemm dawk il-mumenti diffiċli, peró, il-ġibda lejn il-basketball tibqa’ hemmhekk, u dejjem erġajt sibt ruħi fuq il-court.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Hibernians BC sa issa, proprju fl-ewwel staġun tiegħek ma’ dan it-tim.
L-esperjenza tiegħi kienet waħda pożittiva fl-ewwel staġun tieghi mal-Hibernians. Irbaħna t-Tazzi kollha li mmirajna għalihom. Bhala tim konna magħqudin ħafna, u b’hekk spiċċajna biex irbaħna l-kampjonat.
X’tikkummenta fuq il-fatt li matul l-aħħar staġun bħala klabb irbaħtu l-kampjonat?
Il-fatt li kien tim relattivament ġdid bħala plejers u kowċ, il-fatt li rnexxielna ningħaqdu bħala tim daqshekk malajr kienet pożittiva ħafna u nemmen li b’hekk irnexxielna nirbħu l-kampjonat.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Bħala l-livell tal-basketball qed jiżdied, iżda nemmen li jekk il-Malta Basketball Association (MBA) tinvesti f’żgħażagħ maltin, il-basketball Malti jista’ jkun ħafna aħjar fil-futur.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Għandna l-Padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali li għadu kif ġie rinnovat u huwa ta’ kwalitá tajba ferm. Nemmen li avolja l-MBA rnexxielhom jibnu u jinvestu f’riżorsi bħall-courts barra u t-training court, hemm bżonn iżda t’iktar postijiet fejn plejers ikunu jistgħu imorru u jittrenjaw waħedhom, biex isaħħu l-ħiliet individwali tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-kumplament tat-tim, u għall-basketball lokali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Bħala plejer bħalissa jien nimmirra li nibqa’ Malta u nieħu gost nilgħab fil-kampjonat Malti bħala delizzju. Fil-futur hemm ċans li forsi nimmira għall-kowċ biex nagħti lura lill-baskeball Malti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball.
Il-basketball huwa sport sabiħ ħafna, tagħmel ħafna ħbieb waqt li tipprattikah speċjalment meta tkun għadek żgħir. Iżda fih ħafna impenn u trid tkun iddedikat għall-isport. Iktar ma taħdem fuqek innifsek u fuq il-ħiliet tiegħek, iktar ħa jkollok ċans li tirnexxi. It-talent waħdu mhuwiex biżżejjed jekk tixtieq tilgħab il-basketball f’livell għoli. It-talent għandu jkun sostnut bl-imħabba u l-impenn kostanti lejn din id-dixxiplina.