Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli jiċħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li qed isiru mill-Oppożizzjoni dwar il-binja tal-housing fil-Birgu.
Sakemm din il-binja tiġi rinovata, ittieħdu miżuri tekniċi preventivi biex jiġi evitat aktar deterjorament u kwalunkwe riskju għas-sigurtà pubblika. Fost dawn il-miżuri kien hemm l-installazzjoni ta’ scaffolding mal-faċċata tal-binja kif ukoll l-installazzjoni ta’ props ta’ appoġġ strutturali, li kienu kruċjali sabiex jiġu evitati danni akbar, b’mod partikolari wara l-maltemp qawwi li laqat lil pajjiżna fl-aħħar jiem.
Wara l-inċident riċenti, qed issir investigazzjoni interna sabiex jiġi stabbilit x’wassal biex ċediet l-apramorta, minkejja li kienu diġà saru x-xogħlijiet neċessarji ta’ sigurtà. Fl-istess waqt, saru interventi immedjati fuq il-post biex jitneħħa kwalunkwe materjal perikoluż, filwaqt li ser jitkompla tindif xieraq u tiġi assigurata s-sigurtà lir-residenti tal-madwar.
Din hija binja li ilha snin twal mhux abitabbli u f’kundizzjoni ta’ deterjorament, u li issa qed tiġi indirizzata b’mod konkret, serju u responsabbli.
Il-prijorità tal-Ministeru tibqa’ s-sigurtà tar-residenti u tal-pubbliku, kif ukoll l-intervent meħtieġ sabiex il-binja tiġi stabilizzata b’mod permanenti, skont il-qafas legali applikabbli.


