Sunday, November 10, 2024

“Il-fatti jmeru lill-PN anke dwar is-settur tas-sigurtà”

Il-Partit Laburista

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li fl-aħħar snin Gvern Laburista investa mingħajr preċedent fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati. “Għax l-investiment f’dawn il-ħaddiema, li tant jagħmlu xogħol siewi, jibqa’ prijorità, fil-manifest elettorali għal din il-leġiżlatura saru wkoll numru ta’ proposti importanti li eventwalment se jingħaqdu ma’ dak li diġà sar. Fost dak li twettaq diġà fl-aħħar snin hemm l-għadd ta’ ftehimiet kollettivi ġodda għall-korpi dixxiplinati li fost oħrajn inkludew il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol minflok 48 siegħa. L-introduzzjoni tad-dritt li l-forzi dixxiplinati jissieħbu f’unjin hija wkoll miżura ta’ Gvern Laburista li ra wkoll li jsir il-ħlas għall-overtime li ma ħallsux Gvernijiet Nazzjonalisti, fost ħafna inizjattivi oħrajn.”

Il-PL qal li huwa għalhekk ironiku li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq il-motivazzjoni, meta hu l-iktar li attakka lill-membri tal-forzi dixxiplinati b’mod konsistenti u kontinwu. “Fil-mira tiegħu kien hemm mill-Pulizija, sal-Armata u l-ħaddiema tal-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

“It-tisħiħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna huwa frott ix-xogħol tajjeb tal-eluf ta’ ħaddiema li hemm fis-settur. Il-verità hi li llum is-sigurtà qed tissaħħaħ b’investiment bla preċedent tant li minn rata ta’ 42 reat kriminali kull 1,000 persuna din niżlet għal 30.6 għal kull elf persuna. Dan skont rapporti akkademiċi u riċerkati u mhux il-kummenti politiċi ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni li jridu jaqbżu b’opportuniżmu politiku fuq kull artiklu f’gazzetta.

“Minkejja li qed jinkisbu r-riżultati, Gvern Laburista se jibqa’ jaħdem biex iwettaq iktar fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-PL.

Sport