Saturday, January 25, 2025

Il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi f’laqgħa produttiva mal-AiMS

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi esprimiet sodisfazzjon kbir li kienet fost l-ewwel organizzazzjonijiet sportivi li kellhom laqgħa uffiċjali mal-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-AiMS, Jean Claude Micallef, sa minn meta dan inħatar fil-kariga.

Matul il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom kif l-AiMS se tkun qed tassisti Federazzjonijiet ta’ sports żgħar iżda li huma popolari ħafna fil-gżejjer Maltin, bħal tal-Boċċi, speċjalment fejn tidħol ir-reġistrazzjoni mitluba mill-Awtorità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS, Jean Claude Micallef, sostna li għalkemm huwa jifhem li ħafna klabbs tal-Boċċi huma mmexxija minn ftit individwi u kollha fuq bażi volontarja, hemm bżonn li kull klabb iżomm l-ogħla standards possibbli sabiex il-logħba tibqa’ tissaħħaħ u dan l-isport ikompli jgawdi mill-popolarità tiegħu fost il-Maltin u l-Għawdxin. Is-Sur Micallef spjega lill-uffiċjali tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi li l-AiMS se tkun qed torganizza u tiffinanzja kors biex individwi jitħarrġu u jsiru uffiċjali tal-Integrità.

Id-delegazzjoni tal-FKB kienet komposta mill-President tal-Federazzjoni, CJ Saliba, u minn Carmelo Desira, President ta’ Għaxaq Boċċi Klabb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport