Monday, July 15, 2024

IL-FENOMENU TA’ DAWK “BLA AFFILJAZZJONI MA’ PARTIT POLITIKU”

Aqra wkoll

Fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropewnrajna fenomenu ġdid, li affettwa tista’ tgħid lil kull pajjiż anke lil pajjiżna. Dan hu da tal-appoġġ li ngħata mill-elettorat Ewropew għal kandidati li mhuma affiljati mal-ebda partit.

F’din l-elezzjoni rajna dan l-appoġġ jiżdied b’mod qawwi. Fil-fatt hemm xejn inqas minn 100 deputat fil-Parlament Ewropew li mhuma affiljati mal-ebda partit. Hemm 46 li ma jappartjenu għall-ebda grupp waqt li hemm 56 deputat li għad iridu jaffiljaw ruħhom ma’ xi grupp politiku fil-Parlament Ewropew.

F’pajjiżna dan il-fenomenu rajnieh jiġri wkoll. Għalkemm l-ebda deputat indipendenti jew bla affiljazzjoni ma ġie elett, f’din l-elezzjoni rajna lil dawn id-deputati jġibu ammont konsiderevoli ta’ voti. F’din l-elezzjoni għall-ewwel darba mindu bdew isiru dawn l-elezzjonijiet, rajna ammont sostanzjali ta’ voti imorru għall-kandidati indipendenti.

Jekk nieħdu s-sena 2004 naraw li f’dik l-elezzjoni l-indipendenti kienu ġabu 3,600 vot. Fis-sena 2009 u 2014 ma kienx hemm kandidati indipendenti. L-istess fis-sena 2014.

Jekk imbagħad inħarsu lejn is-sena 2019 naraw li dakinhar il-kandidati indipendenti kienu ġabu 2,674 vot, li jfisser tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2004. F’din l-aħħar elezzjoni l-vot tal-indipendenti tela’ għal 22,300 vot, fejn kellek lil Arnold Cassola jġib 12,000 vot u Konrad Borg Manchè jġib kważi
6,000 vot.

Din ix-xejra bla dubju ta’ xejn twassal diversi messaġġi. Qiegħda turi li l-mod kif iddgħajfu l-partiti ewlenin, il-mod kif tbiegħdu mill-prinċipji, kif resqu lejn iċ-ċentru, kif jitkellmu biss fuq narrattivi li jaqbel lilhom waqt li narrattivi oħra
jinjorawhom, qiegħda tbiegħed in-nies.

Dejjem aktar u aktar nies qegħdin jitilfu l-fiduċja fil-partit politiċi ewlenin. Illum qiegħed ikollna elettorat li lest ma jagħtix aktar appoġġ lill-partiti u kandidati li
mhux lesti jitkellmu fuq dak li jolqot fil-laħam il-ħaj. Irid politiċi li jitkellmu fuq il-problemi li jolqtuhom.

Irid politiċi li ma jitkellmux skont fejn ikun sejjer ir-riħ, jew lejn fejn jimbuttawhom l-interessi kummerċjali jew interessi oħra. Dan hu voti mill-elettorat li qed juri sfiduċja fil-politiċi affiljati ma’ gruppi politiċi. Illum għandna sitwazzjoni fil-Parlament Ewropew fejn minn 720 deputat hemm 100 li teknikament mhumiex affiljati.

Dan hu messaġġ li l-partiti ewlenin iridu janalizzaw. Diversi gvernijiet madwar fl-Ewropa ħadu miżuri fl-aħħar xhur u anke ġimgħat bilgħan li jiġbdu lejhom lill-elettorat. Ħadu miżuri kemm fil-messaġġ li kkomunikaw u anke f’benefiċċji li qassmu.

Minkejja dan, din il-parti tal-elettorat injorat dan u tat il-fiduċja lil dawk bla partit. Ovvjament dan juri li hemm bżonn bidla kif qed jikkomunikaw il-partiti politiċi. Hemm bżonn bidla fil-politiċi. Il-messaġġ joħroġ ċar ħafna li jridu politiċi li jitkellmu bla kantunieri. Politiċi ta’ stoffa.

F’kelma waħda ma tistax tipprova togħġob lil Alla u x-xitan f’salt. Il-kejl tiegħek
m’għandux ikun l-istħarriġ li jsiru minn żmien għal żmien tal-opinjoni pubblika. In-nies iridu politika li verament taġixxi fuq l-isfidi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-familja. Politika li ttihom kwalità ta’ ħajja. Politika li ma tfittixx
il-gwerra u l-kunflitt imma l-paċi.

Ekonomija

Sport