Sunday, December 22, 2024

IL-FENOMENU TA’ NIES BLA SAQAF FUQ RASHOM

Aqra wkoll

Huwa fatt li l-faqar huwa relattiv. Mhux kulħadd iħoss l-istess effetti u problemi li jġib miegħu stat ta’ faqar. Dawn l-aħħar jiem rajna figuri li juru li dawk li m’għandhomx fejn jgħixu, bla saqaf fuq rashom, qed jiżdiedu f’pajjiżna kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Għalhekk wieħed irid jara x’inhuma l-kawżi u l-effetti ta’ dan il-fenomenu. Imma konxji li dan mhux fenomenu li beda lbieraħ. Ilu magħna għal bosta snin. Saħansitra anke fil-gwerra li għaddiet kien hemm min daru waqgħet bil-bombi. Kien għalhekk li minn dakinhar il-Gvern Laburista imbarka fuq programm qawwi ta’ bini ta’ djar biex ħafna minn dawk milquta jerġa’ jkollhom post diċenti fejn jgħixu. 

Dan jikkonferma illi l-problema ta’ nies li ma kellhom saqaf fuq rashom mhix xi ħaġa tal-lum. B’danakollu l-istat ma jistax jaħrab l-obbligu soċjali li jara kif jgħin lil dawn in-nies. Imma nifhmu li trid issir analiżi ‘l għaliex dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom qed jiżdiedu u x’inhuma l-kawżi li qed iwasslu għal dan. 

Fid-dinja moderna tal-lum ħafna huma dawk li jitilqu mid-dar tal-ġenituri tagħhom biex jipprovaw isibu akkomodazzjoni għal rashom. Għax forsi b’hekk iħossuhom aktar indipendenti u ‘l bogħod mill-iskrutinju tal-ġenituri. Forsi dawn li jiddeċiedu li jagħmlu hekk qajla qed jaħsbu jekk jifilħux għal dan il-piż meta l-kirjiet partikolarment dawk privati żdiedu jekk mhux ukoll splodew. 

Min-naħa l-oħra, wieħed irid jifhem li s-sidien tal-proprjetajiet għandhom dritt għal kera xierqa li tirrifletti l-kirjiet f’dawn iż-żminijiet. Però ma nistennewx li dawn l-istess sidien jgħollu l-kera b’mod li kważi kważi ssir impossibbli li min jgħix bil-paga, jikri xi post minn dawn. 

Fil-frattemp, is-sidien lanqas jaqblilhom li jgħollu l-kera b’mod eżaġerat għax fl-aħħar mill-aħħar jaslu fi stat li l-kirjiet tant ikunu għoljin li ma jkun hemm ħadd lest jidħol għalihom. L-għoli fil-kirjiet qed jirrifletti wkoll f’sitwazzjonijiet fejn blokok ta’ appartamenti saru kważi kerrejja fejn f’appartament jgħixu sitta jew seba’ min-nies biex jaqsmu l-kera bejniethom għax wieħed jew tnejn waħedhom ma jlaħħqux mal-kirjiet u l-bżonnijiet fil-ħajja ta’ kuljum.

B’dan nifhmu li anke l-livell komunitarju jibda nieżel ‘l isfel li jista’ jkollu konsegwenzi wkoll fuq il-livell tal-għajxien tan-nies tal-madwar. Għalhekk meta niġu biex niġġudikaw fuq kemm hawn nies bla saqaf fuq rashom, li fil-parti l-kbira tagħhom huma barranin, ma nistgħux inwaħħlu fl-istat li mhux jipprovdi għal sitwazzjonijiet bħal dawn. 

Tant hu minnu dan li fl-aħħar snin rajna proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali jibdew u anke jiġu allokati lil familji li l-aktar li kellhom bżonn dar diċenti. Dan ifisser li s-soluzzjoni għal din il-problema trid tinstab f’sinerġija bejn l-istat u s-sidien privati. Niftakru wkoll fi skemi biex djar vojta jiġu rranġati u jintużaw proprju għal dan il-għan. Minn dawn id-djar hemm ħafna mxerrdin madwar il-pajjiż kollu. 

Ekonomija

Sport