“Il-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista lanqas fil-jiem tal-festi ma tipprova tiddistakka ruħha mill-mibegħda u l-intimidazzjoni. Il-Grupp Parlamentari Laburista hu parti minn Gvern li reġa’ investa fin-nies u hu l-awtur ta’ ġid soċjali kbir. Għalhekk m’għandu xejn minn xiex jibża’”.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, fejn spejga li l-ebda att ta’ intimidazzjoni u provokazzjoni mhu se jwaqqaf l-Eżekuttiv tal-pajjiż milli jkompli jwettaq ħidmietu favur il-ġid komuni.
Il-PL qal li jibża’ biss min hu l-awtur tal-ħdura u l-gideb għaliex tal-qerq li joħloq irid iwieġeb. Qal ukoll li bħalu jibżgħu min hu rrelevanti u jirkeb fuq l-attakki insensati fuq nies li sempliċiment iħaddnu politika differenti minnhom.
Temm jgħid; “Għalhekk jekk il-faxxa estremista taħseb li b’tattiċi moqżieża u malinni tista’ ssawwat Gvern u indirettament lill-familji Maltin u Għawdxin, se tkompli ssib Gvern sod li jkompli joħloq il-ġid”