Saturday, December 14, 2024

Il-Fergħa tal-BOV f’Raħal Ġdid terġa’ tiftaħ b’Kunċett Ġdid

Aqra wkoll

Il-Fergħa tal-Bank of Valletta f’Raħal Ġdid reġgħet fetħet wara xogħlijiet estensivi ta’ ristrutturar li raw lill-Fergħa tadotta l-kunċett il-ġdid tal-BOV li jiffoka fuq il-klijenti għall-benefiċċju tal-istess klijenti tal-Bank fi vjaġġ li se jwassal lill-BOV lejn futur aħjar u aktar sostenibbli.

Il-Fergħa ta’ Raħal Ġdid hija t-tieni fergħa tal-BOV b’dan il-kunċett wara l-inawgurazzjoni tal-Fergħa l-ġdida tal-Bank f’Tas-Sliema f’Ottubru 2021.

Il-Fergħa għandha dehra u sensazzjoni moderna kompletament ġdida b’ambjent tax-xogħol imtejjeb għall-impjegati. Dan jagħmel parti mit-trasformazzjoni strateġika tal-Bank li se tippermetti modi ġodda u aħjar ta’ kif il-Bank jaħdem mal-klijenti tiegħu. Din hija biss parti waħda mill-istrateġija tal-Bank biex inaqqas ix-xogħol minn wara l-kwinti, jintroduċi proċessi aħjar u simplifikati u jiddiġitalizza s-servizzi tiegħu skont il-bżonnijiet tal-komunità moderna tal-lum.

Il-Fergħa għandha wkoll l-għan li tkun effiċjenti fl-Enerġija u fl-użu tal-ilma billi tuża l-materjali kollha naturali u li jiġġeddu malajr u r-reklamar elettroniku li jnaqqas l-użu tal-karta. Ħitan bil-pjanti, minbarra l-benefiċċji tas-saħħa fiżika u mentali li jġibu magħhom, jipprovdu saff ta’ insulazzjoni aktar u kwalità aħjar tal-arja.

Il-fergħa ta’ Raħal Ġdid għandha dehra u sensazzjoni differenti ħafna mill-Fergħa tradizzjonali tal-BOV, billi tuża l-istess linji tal-kulur tal-Luzzu tradizzjonali ta’ Malta, li ntużaw għall-ewwel darba fil-Fergħa tagħna ta’ Tas-Sliema.

Matul il-ġimgħat li ġejjin, il-Bank se jkun qed jerġa’ jiftaħ ukoll il-fergħat tiegħu fiż-Żurrieq u s-Siġġiewi, li matul dawn l-aħħar xhur ukoll kienu għaddejjin minn ristrutturazzjoni estensiva skont dan il-kunċett ġdid.

Ekonomija

Sport