Fl-opinjoni tiegħi, wieħed ikanta l-mużika tal-Milied – dawk l-għanjiet tradizzjonali sbieħ – għax huma mod kif wieħed jirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Minbarra li l-versi jirrakkontaw dak li ġara madwar it-twelid ta’ Ġesù, dawn l-istess għanjiet, b’dawk il-melodiji sbieħ, jippermettulna li nesprimu l-ferħ li ġġib magħha n-nattività ta’ Ġesù Bambin – il-25 ta’ Diċembru.
Mingħajr dubju ta’ xejn, wieħed iħoss fihom ukoll dik in-nostalġija li jġorru magħhom dawn l-għanjiet tal-Milied … għanjiet li għalkemm għaddew minn fuqhom snin u snin, xorta waħda għadhom jinżlu għasel f’qalb kull wieħed u waħda minna li tassew huma sensittivi fil-qalb tagħhom. Ma’ dan kollu jintgħaġen ukoll il-ferħ u jġegħelna nħossu din il-festa tat-twelid ta’ Ġesù Bambin – ferħ ta’ festa verament festiva … niċċelebraw għaliex le? … Niċċelebraw il-Milied mal-familji, ħbieb, ħaddiema tax-xogħol u tal-uffiċċju u ferħ ieħor li jwassalna biex inħossuna kuntenti għalkemm forsi nkunu qegħdin għaddejjin minn mumenti iebsa.
Id-drawwiet ta’ pajjiżna marbuta ma’ din il-festa huma drawwiet li jinżlu sewwa fil-qlub tagħna … drawwiet bħall-purċissjoni tal-Mużew bil-Bambin lejlet il-Milied, il-prietka tat-tfajjel ċkejken u l-quddiesa ta’ nofsillejl huma fost id-drawwiet sbieħ tagħna l-Maltin li jekk jintemmu nkunu tlifna parti sewwa mill-ferħ veru tal-Milied.
Imma għaliex il-mużika tal-Milied tagħmilna kuntenti?
Hekk kif joqrob il-Milied, madwarna jimtela bi dwal, ferħ, kulur, riħa ta’ cookies tal-ġinġer, kejkijiet tal-Milied, qagħaq tal-għasel u magħhom il-presepju, is-siġra tal-Milied, il-Bambin f’ħoġor it-tieqa u mitt ħaġa oħra.
Ngħidu wkoll li għall-Milied jidhru għadd ta’ films tal-Milied, jittellgħu kunċerti ta’ għanjiet tal-Milied u mużika oħra marbuta mat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Dawn jidhru kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fis-swali ta’ kunċerti, knejjes u postijiet oħra. Dan kollu jfakkarna biex niċċelebraw l-ispirtu tal-Milied.
Bħalma rreferejt aktar qabel, il-mużika tal-Milied ħafna drabi tqanqal fina nostalġija.
Wieħed jiftakar f’dawk iż-żminijiet li qattajna mal-ħbieb u l-familja b’għożża kbira. Illum ħafna minn din in-nostalġija hija midfuna fit-trab tal-art, iżda hi ħajja fil-memorji tagħna. Din ir-riflessjoni titħallat ukoll ma’ riflessjonijiet pożittivi u dan jagħti sens ta’ skop u rieda tajba fil-ħajja preżenti.
Il-mużika u l-atmosfera tal-Milied jagħtu wkoll ferħ kbir lill-maħbubin. Ir-rigali lil xulxin u lil dawk għeżież għalihom ma jonqsux. Dan ukoll jgħinhom biex isiru aktar ta’ xulxin u jikbru iżjed fl-imħabba.
Titjib fis-saħħa
Anke fiżikament, il-ferħ tal-għanjiet tal-Milied jgħin sewwa lill-moħħ u bidliet fiżjoloġiċi oħra li jikkontribwixxu għal titjib tas-saħħa ġenerali li jinkludi pressjoni tad-demm imnaqqsa, polz tajjeb jew aħjar fil-qalb u livelli aħjar ta’ kolesterol li normalment huma indikaturi ta’ stress. Dan qrajtu fuq l-internet permezz tal-‘Google’ – artiklu li jidher li huwa miktub minn bniedem professjonali.
F’dan l-istess artiklu qrajt ukoll li r-riċerka sabet li l-mużika tista’ tgħin fl-uġigħ ukoll u dan minħabba li l-moħħ ikun involut aktar b’mod attiv fil-mużika, għaldaqstant il-mogħdijiet tal-uġigħ ikunu mrażżna. It-tensjoni tal-muskoli tonqos bħala effett tal-espożizzjoni għall-mużika li f’dawn il-ġranet ta’ vaganzi tal-Milied tkun fl-aqwa tagħha.
Fl-istess artiklu qrajt ukoll li l-mużika tal-Milied hija tajba ħafna għall-memorja. Is-smigħ tal-mużika favorita tiegħek, aktar u aktar f’dawn il-ġranet, spiss ifisser li l-firxa tal-attenzjoni tiegħek ittejjeb sewwa l-memorja għax il-fatt li tkun qed tikkonċentra aktar fuq il-mużika jfisser għajnuna aktar lill-memorja. Din tgħodd ukoll l-aktar għall-anzjani tagħna li jbatu xi ftit jew wisq mid-dimenzja.
Instab ukoll li t-terapija mużikali ntużat speċjalment biex tikkura pazjenti bl-Alzheimer. Din il-marda hija t-tip l-aktar komuni ta’ dimenzja.
Inżid ngħid li l-mużika ttejjeb il-kapaċità tal-pazjenti li jżommu konverżazzjonijiet twal u anke jkantaw flimkien il-kanzunetti favoriti tagħhom.
Pajjiżna huwa fortunat li għandu mużika sabiħa tal-Milied li għalkemm ħafna minnha hija importata saret mużika li tintrabat sewwa ma’ dawn il-ġranet, u dan grazzi għall-vrus tagħhom li ssawru sewwa mal-melodiji u saru qishom Maltin. Grazzi lil Dun Frans Camilleri, Dun Karm Farrugia, Albert Cassola, Oliver Friggieri u oħrajn li għarfu sewwa jpoġġu vrus tajba li daħlu sewwa f’qalb il-poplu tagħna.
Il-Benniena tal-Bambin
Magħhom tingħaqad ukoll l-għanja ‘Ninni la Tibkix Iżjed’ jew il-‘Benniena ta’ Ġesù Bambin’. Din l-għanja tal-Milied hija ta’ Patri Indrì Schembri, Ġiżwita minn Ħal Luqa. Interessanti li wieħed ifakkar li din l-għanja ħelwa nkitbet minn Patri Schembri fl-Alġerija għall-Maltin ta’ hemmhekk fis-sena 1864, tmien snin qabel mewtu.
Magħhom tingħaqad ukoll il-famuża sinfonija ‘Pastorali’ ta’ Emm Galea.
Sinjuri, dan kollox għal-lum … il-Milied it-Tajjeb lilkom u lill-familji tagħkom.