Thursday, December 26, 2024

Il-Festa li Tixgħel it-Tradizzjoni: Jitħabbar il-programm tal-Imnarja 2024

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbru l-programm t’attivitajiet b’rabta mal-Imnarja 2024, bit-tema ‘Il-Festa li Tixgħel it-Tradizzjoni’.

Għal sena oħra, dan l-avveniment se jkompli jippromwovi u jesponi dak kollu li tradizzjonalment huwa assoċjat ma’ din il-festa pubblika Maltija, bil-qofol ta’ kollox ikun fil-Buskett.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo saħaq, “Sena wara oħra, permezz tal-attivitajiet li qed norganizzaw, qed naraw din il-festa Maltija tkompli tissaħħaħ u tiġi apprezzata minn eluf ta’ Maltin, Għawdxin u anke turisti. Qed naraw li l-attivitajiet li norganizzaw iservu ta’ vetrina lokali, filwaqt li jiċċelebraw il-vera skop wara din il-festa: it-tradizzjonijiet Maltin, l-artiġjanat, is-snajja, il-logħob tradizzjonali, ir-reliġjon, l-għana, il-biedja u l-agrikoltura f’pajjiżna. Fuq kollox niċċelebraw ħidmet il-bidwi u raħħal Malti u Għawdxi, il-frott u il-ħxejjex li jkabbru b’tant dedikazzjoni u l-bhejjem li jrabbu.”

Il-Ministru Refalo tenna kif dan kollu jimxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern sabiex ikompli jippremja l-bżulija tar-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin. “Okkażjoni oħra fejn fiha nippromwovu s-settur agrikolu, li fl-aħħar snin kompla juri kemm huwa kruċjali, u anke l-prodott lokali,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif l-Imnarja hija festa tradizzjonali li tkun mistennija minn sena għal oħra. “Waqt din il-festa mhux biss qegħdin niċċelebraw l-għeruq tagħna l-Maltin bil-prodott lokali, iżda qegħdin noffru spazju fil-qalba tal-Buskett fejn il-familji jistgħu jiġu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom u jieħdu gost flimkien,” qalet is-Segretarju Parlamentari. Hija temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-bdiewa, raħħala, u dawk kollha li qed jieħdu sehem u jorganizzaw l-Imnarja, għall-kontribut tagħhom.

Il-programm tal-Imnarja 2024 jibda mis-Sibt 22 ta’ Ġunju u jintemm nhar il-festa, fid-29 ta’ Ġunju.

Fost l-attivitajiet wieħed jista’ jsib il-Parata tal-Bandu mill-Imdina għar-Rabat, wirjiet ta’ klieb ta’ Malta, tal-ekwini, mogħoż u nagħaġ, karrettuni u karozzini, frott u ħxejjex, tjur, makkinarju u inġenji tar-raba, wirja relatata mal-Imnarja ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Vitikultura u l-Enoloġija, logħob tradizzjonali, kant, daqq, għana u żfin tradizzjonali u wirja tal-baqar tal-ħalib.

Ekonomija

Sport