Il-festa tal-Maddalena f’kappella fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Il-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħad-Dingli se torganizza l-festa tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena.  Din il-kappella tinsab fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli (ħdejn ir-radar).

Il-festa se tiġi ċċelebrata nhar l-Erbgħa 22 ta’ Lulju, 2026.  Fis-7.30 p.m. tiġi ċċelebrata quddiesa fuq iz-zuntier tal-kappella li se tiġi ċċelebrata mill-Arċipriet tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud. Wara l-quddiesa ssegwi attivita` soċjali waqt li wieħed ikun jista’ jgawdi nżul ix-xemx u s-sbuħija ta’ dawn l-inħawi pittoreski. Kulħadd mistieden.

Il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli kif inhi llum inbniet fl-1646 iżda l-preżenza tagħha f’dan il-post tmur lura b’ċertezza għal mill-inqas mitejn sena qabel.  Il-kappella hi proprjeta’ tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u għal bosta snin qdiet il-ħtiġijiet spiritwali tal-bdiewa u familji li kienu jgħixu l-irdum jew fil-qrib.  Il-kwadru titulari li juri l-laqgħa ta’ Marija Maddalena ma’ Kristu Rxoxt sar mill-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi fl-2005. 

L-inħawi tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena huma popolari ferm mal-Maltin u t-turisti li jieqfu hawnhekk igawdu l-ambjent rurali ta’ l-inħawi, is-seħer ta’ l-irdumijiet u x-xeni mill-isbaħ l-aktar fi nżul ix-xemx.   

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport