“Ngħid li kollox għad jispiċċa. Ara f’hiex moħħhom iż-żgħażagħ illum. Min se jkompli warajna?”. Induru fuqu u ngħidlu, ‘snin ilu din id-dikjarazzjoni smajta. Inbidlu n-nies u l-festi komplew. U mhux komplew biss imma kibru biex ma ngħidx li splodew”.
Waqt li ngħidlu dan, l-uffiċjal ta’ każin tal-banda jurini filmati ta’ żgħażagħ nofshom imeżżgħin, tfajliet u ġuvintur. Magħhom adulti. Ġo każin. F’attività li fiha kien qiegħed idoqq DJ wara marċ ta’ filgħodu. Naraw il-filmat. Lingwaġġ li jqallgħek. Mhux se jiskandalizzawni botti fil-festi. Smajnihom u xi drabi jkunu ħelwin u jnisslu tbissima. Imma kliem oxxen! Diskors li joffendi! Kliem ta’ mibegħda! Kliem dispreġjattiv. Kif qiegħed jibqa’ jiġi aċċettat dan? U jekk ma tridx dan issibu fuq filmati imxandrin fuq is-siti soċjali ta’ xi organizazzjonijiet jew baned. Idur lejja u jgħidli “ma nafux fejn sejrin. Inħkimna mill-mewġa li għaddejja. Li kollox jgħaddi. Li l-pjaċir l-aktar importanti. Li ntawwlu l-ħin ħalli nżidu l-konsum ta’ l-alkohol u xorb ieħor”.
Din hi realtà li qegħdin niffaċċjaw fil-festi tagħna. Realtà li minn wara l-imxija tal-Covid19, ħadet żvolta kbira. Fil-parti l-kbira tal-festi tagħna, qegħdin naraw il-baned tagħna jiġu ridotti għad-daqq ta’ l-istess marċi. Tmur fejn tmur tisma’ dejjem l-istess ħames marċi. Marċi sbieħ, li sfortunatament iddawwru f’marċi ta’ kliem b’tgħajjir u kliem oxxen.
Fis-sajf li għadda stħarriġna għadd ta’ festi. Marċi ta’ filgħodu li fihom tara minn kollox. Wieħed jifhem li bħal ħammiela meta tintefa’ fiha ż-żerriegħa, ma’ dak li tkun żrajt se jitla’ ħaxix li ma tkunx trid u anke x-xewk. Il-problema li għandna fil-festi imma hi li daħlet kultura ta’ xorb esaġerat, abbużi oħra fosthom minn sustanzi. Tajjeb li tmur f’festa u waqt marċ issibhom ipejpju l-ħaxixa f’xi post ftit partikolari? Dan x’eżempju hu għat-tfal tagħna?”.
Għaliex spiċċajna b’din il-mentalità li biex nieħdu pjaċir irridu nikkonsmaw xorb bla rażan jew. sustanzi? Għaliex il-gost u l-pjaċir tal-festi tagħna, okkażjonijiet soċjali, avvenimenti li jaqtgħuk ftit mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, biex l-artisti juru t-talenti tagħhom, spiċċajna ġibnihom mumenti ta’ tensjoni u tgħajjiir. Għandna marċi sbieħ u dawn joħolqu atmosfera ta’ ferħ. Ikun hemm min jieħu l-marci li nkitbu għal okkazjoni ta’ ferħ u jiużahom biex jgħajjar jinsulta jitkellem hażin u oxxen. Ikollok ġgajta ta’ nies jagħmlu hekk u mbagħad min suppost iwaqqaf, xi jkun qiegħed jagħmel? Quddiem il-banda b’idejh marbutin. Meta marċ tirriduċieh hekk, li jkun qiegħed jiġri hu li tradizzjoni sabiħa tkun qiegħda tinbidel f’xi ħaġa kerha. Kontra l-ispritu verament tal-festa. Dik l-istess festa tkun qiegħda titwaqqa’ għaż-żufjett.
Il-festi wirt intanġibbli tal-UNESCO…
…imma issa rridu nibżgħu għalihom u nnaqqu l-ħażin
Il-festi Maltin illum huma dikjarati bħala wirt intanġibbli tal-UNESCO. Kienet xi ħaġa li fuqha ħadem ħafna l-Ambaxxatur Malti għall-UNESCO, Mons Joe Vella Gauci, flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda u li sabet l-appoġġ sħiħ mill-Kurja Maltija u l-komunitajiet tal-festi Maltin. Ħidma li wasslet biex il-festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
Jekk wieħed jinvestiga sew il-festi Maltin se jinduna faċilment li l-festi Maltin mhux se jmutu. L-element volontarju fihom għadu b’saħħtu u b’saħħtu sew. F’xi oqsma l-volontarjat naqqas. Anke xi oqsma mill-festa qegħdin narawhom jiġu abbandunati mill-istess dilettanti jew parruċċani. Minkejja dan il-festi qegħdin narawhom jinbidlu. Hemm sitwazzjonijiet fejn il-bidliet qegħdin isiru b’mod mgħaġġel ħafna. Waqt li qiegħed isir dan, fit-triq ta’ din il-bidla, xi ħaġa se nitilfu.
L-aspett reliġjuż se jaqla’ l-ewwel daqqa
Kemm hawn dilettanti tal-festi li jmorru it-tlett ijiem tat-tridu? Ejja nagħmluha din il-mistoqsija u t-tweġiba tafu x’inhi. F’ħafna tridjiet ta’ festi, li qegħdin naraw huma knejjes vojta. Jekk tanalizza dawk li jattendu għal din il-funzjoni, tara li ħafna drabi huma nies anzjani. Żgħażagħ litteralment assenti. X’se jiġri la jiġu neqsin dawn l-anzjani? X’se jkollna fil-knejjes fit-tridijiet? Aktarx ikunu l-ewwel li jitneħħew, għax ejja ngħidu kif inhi l-ispiża tal-mużika u lituriġija għal dawn it-tlett ijiem titla’ eluf ta’ Ewro.
Kif qalli membru tal-kleru metą tlabtu jikkummenta, “għad jiġi żmien li t-tridu ma jibqax isir. Tnikkitni ħafna din li nara nofs il-knisja vojta. Fejn huma iż-żgħażagħ? Għal marċi biss dawn jew għad-disco ta’ wara l-marċ? Fejn huma dawk dilettanti tal-festa?”.
Il-festi għadhom b’saħħithom…
…il-poplu jirrikorri bi ħġaru…l-ispejjeż splodew
L-aħħar tlett ijiem tal-festi, jiġifieri, l-aħħar tridu, lejlet il-festa u nhar il-festa, wieħed jista’ faċilment jikkonkludi kemm il-festi f’pajjiżna għadhom popolari. Għal xi wħud ifisser ħafna xogħol, għal oħrajn avveniment soċjali jew nostalġija. Illum m’għadx fadal festi kbar jew żgħar. Kull festa għandha l-karatteristiċi tagħha. Iddominati minn armar mill-ifejn. Kemm f’dak li huma tiżjin bħall-pedestalli, trofej u pilandri u anke bandalori u pavaljuni. Dan kollu hu b’ħidma matul sena sħiħa minn għadd kbir ta’ volontieri, li fi kliemhom stess jgħidulek li l-ispejjeż splodew.
“L-ispejjeż żdiedu ħafna. Għandek l-assigurazzjoni. Il-problema li dejjem qiegħda tikber, dik ta’ ħsarat fl-armar minħabba il-karozzi. Illum jekk ikollok xi ħadd jolqotlok pedestall jew pilandra, l-ispiża biex tirranġa tkun kbira”, jgħidilna l-volontier.
L-għadu li jikkonsisti f’elementi ġodda fil-festa Maltija…..
…dak li ħdimna biex akkwistajna ma nħalluhx jitħassar quddiem għajnejna
L-Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, Mons Joe Vella Gauche, li jsegwi mill-qrib il-festi Maltin u l-iżvilupp tagħhom, jiddikjara magħna bla tlaqlieq li “rridu ngħidu li l-festa Maltija qatt ma kienet xi ħaġa ffossilizzata u qatt ma għandha ssir. L-opri tal-arti evolvew fiha. In-nar evolva fiha. Il-mużika u l-baned evolvew fiha. Kollox evolva u għandu jibqa’ jevolvi, għax il-festa hija espressjoni tal-poplu. Apparti l-element reliġjuż u sagru, li huwa l-bażi ta’ kollox, il-mod ta’ kif issir il-festa hija espressjoni kulturali ta’ poplu u hekk għandha tibqa’. Allura huwa naturali li l-ħaġa tevolvi. L-importanti, iżda, huwa li waqt li tevolvi, tibqa’ tħares l-ispirtu u l-prinċipji tagħha u ma tmurx kontrihom.”
Jisħaq li “jekk wara l-marċ, użajna apparat domestiku għal ħsejjes ta’ mużika oħra u ħadna siegħa oħra pjaċir u bqajna ningħaqdu bħala komunità, m’hemm xejn ħażin. Iżda jekk id-diskoteka saret fil-ħin tal-marċ jew tal-purċissjoni b’mod li saret kompetittriċi, jew jekk id-diskoteka (fit-triq jew fil-każin) saret biss bil-mużika kummerċjali xejn differenti minn dik li tindaqq ġo klabb f’post tad-divertiment, allura hemmhekk l-ispirtu tal-festa mhuwiex jiġi ssalvagwardjat. U dan ma japplikax biss għad-diskoteki. Jista’ japplika anki, per eżempju għal-logħob tan-nar. Sakemm dan jakkumpanja l-attività tal-festa u jsir fil-kuntest it-tajjeb, kollox sew. Imma jekk għandek attività importanti tal-festa għaddejja – bħal per eżempju purċissjoni – u għandek spettaklu tan-nar għaddej xi mkien ieħor, allura hemmhekk m’aħniex nissalvagwardjaw l-ispirtu tal-festa, hemmhekk qegħdin inħottu aktar milli nibnu.”
Festa….hi ċċelebrata minn komunità
u mhux minn kunsilli lokali
U f’pajjiżna x’qiegħed jiġri? Qiegħed ikollna min għal skop jew ieħor, jorganizza festi hu. Fost dawn hemm kunsilli lokali. Imma din tista’ tissejjaħ festa? Festa x’inhi eżatt? Festa hi xi ħaġa li tgħaqqad komunità u ssir minn komunità
Mons Vella Gauci jgħidilna li “jekk ċerti prattiċi jew użanzi ġodda jmorru kontra l-ispirtu tal-festa, iċċelebrata minn komunità, hemmhekk nidħlu fi kwistjoni ta’ prinċipju. Per eżempju huwa dejjem tajjeb li l-awtoritajiet ċivili joffru l-appoġġ tagħhom. Iżda, biex nagħti eżempju ipotetiku, li jkollok attivitajiet minn festa totalment organizzati minn Kunsill Lokali, jista’ jkun li jkun sejjer kontra l-ispirtu tal-festa li hija, kif għidna, ċelebrazzjoni tal-komunità, mill-komunità, mill-għaqdiet tal-komunità.”
Intuha nifs tevolvi imma
mhux neħduha f’direzzjoni opposta
Mons Vella Gauci jisħaq li “għalhekk, iva, nemmen li rridu nkunu viġilanti. Viġilanti mhux biex nikkristalizzaw jew niffossilizzaw lill-festa Maltija, iżda biex waqt li ntuha nifs tevolvi, naraw li ma noħduhiex f’direzzjoni opposta għal dak li essenzjalment hi. Din mhix dejjem ħaġa faċli. Ħafna drabi naraw inizjattivi ġejjin litteralment minn fost il-poplu, għax il-festa hekk hi – tal-poplu! Drabi oħra naraw xejriet ġejjin fuqna għax ninfluwenzaw irwieħna mid-dinja ta’ madwarna u ċerti tibdil ikun inevitabbli. Iżda issa li għandna l-festa Maltija bi preġju bħal dan, iva, nistenna li min jaf, u min għandu xibka li tiġbor fiha għaqdiet responsabbli, u min għandu għal qalbu l-festa Maltija, jiltaqa’ u jlaqqa’ ħassieba u promuturi ta’ integrità biex dak li ħdimna biex akkwistajnielu timbru prestiġjuż, ma nħalluhx jitħassar quddiem għajnejna. Il-ħidma tagħna m’għandhiex tieqaf mal-akkwist tat-timbru tal-UNESCO. Anzi, minn hemm ’il quddiem, il-ħidma tagħna għandha tkun aktar serja.”
Ikompli l-ġimgħa d-dieħla

