Il-festi tagħna kemm jekk jogħġbuk, kemm jekk taħrabhom minħabba l-folol jew l-istorbju, huma mera tal-karattru tagħna l-Maltin. Il-karattru Mediterranju. Fil-festi tagħna naraw bl-aktar mod ċar l-espressjoni tas-sabiħ u tal-ikrah tal-karattru Malti. F’dik il-ġimgħa tal-festa spiss issib min jiżvoga l-enerġija ta’ sena sħiħa. Għalkemm il-pedament tal-festi hu l-wirt Nisrani tagħna, illum il-festi qegħdin jitbiegħdu sew minn dak il-punt.

Ejja nibbażaw fuq l-għaqda… waqt li nżommu l-kompetizzjoni
Uffiċjal li tkellem magħna qalilna li “wasal iż-żmien li nibdew inmexxu f’direzzjoni ta’ pożittivià. Inħallu l-kompetizzjoni bejn festa u oħra, bejn każin u ieħor. Nibqgħu inqabblu. Imma ejja ningħaqdu ukoll fil-festi ta’ xulxin. Ejjew nuru sens pożittiv, fis-sens li għalkemm aħna differenti, għalkemm komunitajiet li qegħdin niċċelebraw festi differenti, aħna qegħdin nagħmlu xi ħaġa komuni li hi l-festa Maltija. Ejja nikkompetu u mhux inkissru jew immaqdru.”
Użanzi ġodda bħal ‘foam parties’… mużika sfrenata minn bars u DJ’s
Meta nanalizzaw x’qed jiġri fil-festi tagħna, ma nistgħux ma narawx il-kontradizzjonijiet. Kontradizzjonijiet li qegħdin isiru bi drawwiet li ddaħħlu fl-aħħar snin u baqgħu jikbru li llum donnhom ma jistax jinstab kontroll għalihom. Għandek il-fenomenu tal-mużika tad-disco. Mużika li hi kunfliġġenti għal kollox mal-mużika tradizzjonali tal-festa – il-ħoss tal-banda. Jista’ xi ħadd jgħidilna x’ġost fiha li għandek banda qed iddoqq u għandek ħanut għaddej bid-diski. Dawn huma ġeneri ta’ mużika li ma jistgħux jindaqqu fl-istess ħin. Hi mużika kunfliġġenti għax tismagħhom it-tnejn imma ma tifhem xejn.

Agħar minn hekk, għandna sitwazzjonijiet fejn huma l-barmen f’każini tal-banda stess li qegħdin jagħmlu dan. L-iskuża li tinġab hi li bil-mużika tad-disco iġġib aktar nies u dawn jixorbu aktar u allura l-bejgħ hu qawwi. Jingħad x’jingħad hemm kunflitt.
L-istess kunflitt issibu fil-bars privati fit-toroq. U l-mistoqsija li tqum hi waħda ċara – min qed jagħti l-permessi lil dawn il-bars – li huma l-Pulizija, qegħdin jaraw x’mużika se jdoqqu. Forsi wieħed jista’ jgħid li dan mhux xogħol il-Pulizija. Dan hu minnu, imma lanqas nistgħu nħallu sitwazzjoni fejn bar jinħariġlu permess u jdoqq li jrid. Xi ħadd x’imkien irid jara dak il-bar x’se jkun qed idoqq. U għandu jdoqq mużika li hi kumplimentari mal-festa u mhux il-kontra. Kemm ikollna nies jilmentaw li marru jisimgħu banda imma ma setgħux jagħmlu dan minħaba mużika oħra b’volum għoli.
Dieħla drawwa, li issa infirxet diġa f’għadd ta’ festi. Din hi dik tal-foam parties. Bil-mod il-mod qegħdin naraw aktar festi idaħħlu din id-drawwa fil-programm tal-festa. Ma tistax ma tistaqsix imma l-foam party x’għandu x’jaqsam mal-festa? Għaliex il-foam parties qed isiru parti mill-programm? Min jaf forsi ma ndumux ma naraw foam parties għaż-żgħażagħ fil-festi ukoll!
Id-DJ’s fil-festi…x’għandhom x’jaqsmu?
Fil-festi iddaħħal is-sehem sehem tad-DJ’s u minħabba ċerti restrizzjonijiet, qegħdin anke intellgħu xi żewġ bandisti ħdejhom jakkumpanjaw bl-istrument. Ix-xerja hi li kif jintemmu l-marċi tibda serata b’DJ ġol-każin jew barra. Lil hinn minn lira ta’ malajr għal barman tal-każin, kemm dawn l-attivitajiet huma kompatibbli mal-festa? Fuq kollox kemm jagħmel sens li nibqgħu nestendu l-ħinijiet tal-festa u ntawwlu u dan bir-riskji kollha li jġib miegħu? Ma naħsbux li hemm bżonn xi tip ta’ kontroll fuq l-użu ta’ dawn id-DJ’s fil-festi tagħna.

Il-festi saru qishom swieq…fejn hu l-ikel Malti?
Niftakru snin ilu l-festi kienu sinonimi ma’ ikel Malti. Kienu jispikkaw il-bejjiegħa tal-Qubbajd. Illum x’qegħdin naraw? Żoni fil-festi tagħna saru qishom swieq. Imwejjed u gabbani ħdejn xulxin. Barijiet wieħed ħdejn l-ieħor. Tara kull tip ta’ ikel, anke Ċiniż, Tork imma ikel Malti ma tara imkien jew ftit li xejn. Jekk titkellem ma’ tal-gabbani se jgħidulek li “dan l-ikel jimxi.” Sid ta’ gabbana jgħidilna li “jien se nagħmel li jimxi. Fil-festa mhux se jixtruli l-ftajjar. L-ikel Malti qed jitwarrab minna stess. Illum għamel ‘burgers’ jew ‘hotdogs’.

