Sunday, December 22, 2024

IL-FESTI GĦADHOM POPOLARI MINKEJJA L-MODERNIŻMU

Aqra wkoll

Fi ftit tal-ġimgħat oħra jintemm l-istaġun tal-festi. Din is-sena wriet ukoll li l-festi f’pajjiżna għadhom popolari u mfittxija minn eluf ta’ nies, mhux biss min-nies tal-lokal imma wkoll nies minn bnadi oħra li jħobbu jżuru l-festi fl-irħula u l-ibliet. Il-festi minbarra li huma element ta’ folklor, huma wkoll wirt li ħallewlna ta’ qabilna.

Imma kemm il-festi għadhom jiġbdu d-devozzjoni lejn il-qaddis patrun tal-lokal? Għax illum bħal donnu li n-nies, speċjalment iż-żgħażagħ aktar qegħdin jinġibdu lejn il-marċi u l-briju milli lejn il-funzjonijiet reliġjużi li jsiru fil-knejjes fil-jiem tal-festa. Mhux dan biss, imma donnu li anke s-sinjifikat tradizzjonali tal-festi qed jinbidel.

Veru li ninsabu fi żmien il-moderniżmu, tant li qed naraw illi minbarra l-marċi brijużi li joffru l-baned, iddaħħal ukoll l-element tad-“disco”. Ma rridux ninftehmu li b’xi mod aħna kontra li jkun hemm tiżwiq ta’ mużika u marċi fil-festa, għaliex nemmnu fil-varjazzjoni. Lanqas ma rridu ngħidu illi ż-żgħażagħ kollha tilfu l-interess fl-aspett reliġjuż. Anzi ħafna minnhom ikunu qed jistennew bi ħġarhom il-jum tal-festa wara li jkunu ilhom jaħdmu għaliha s-sena kollha, speċjalment dawk involuti fl-armar u fil-logħob tan-nar.

Imma l-element folkloristiku u reliġjuż nemmnu li għandhom jibqgħu l-bażi tal-festi f’pajjiżna. Jekk xejn, dawn iġibu memorji f’ħafna mħuħ ta’ Maltin emigranti li ta’ kull sena jiġu għall-festa tal-lokal fejn għexu u trabbew qabel ma telqu minn artna. Tant il-festi huma għal qalb ħafna Maltin li saħansitra l-emigranti jorganizzaw il-festa wkoll fil-pajjiż li qed jgħixu fih bħall-Awstralja u l-Kanada.

Dan jidher ukoll mir-rikonoxximent li tat l-UNESCO lill-festa Maltija bħala wirt intanġibbli dinji, għat-tgawdija mhux biss tal-Maltin imma wkoll tat-turisti li jinzertaw f’pajjiżna f’dawn iż-żminijiet u b’hekk jieħdu togħma tal-kultura Maltija. Daqshekk għandhom valur il-festi Maltin. Għalhekk għalkemm iż-żminijiet jinbidlu, nemmnu li l-element tradizzjonali u folkloristiku għandu jibqa’ jkun bla mittiefes fil-kalendarju kulturali Malti biex il-ġenerazzjonijiet futuri għall-inqas ikollhom ħjiel ta’ kif għexu l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

Għalhekk kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Gvern kemm li jixtri ħafna sede ta’ Soċjetajiet Mużikali kif ukoll bl-għajnuna diretta u indiretta li qed jagħti biex il-festi jibqgħu ħajjin.

Ekonomija

Sport