Monday, September 22, 2025

IL-FESTI NAZZJONALI HUMA TAL-POPLU

Aqra wkoll

Ilbieraħ pajjiżna fakkar il-61 sena mindu pajjiżna kiseb l-Indipendenza. Ġrajja oħra importanti fl-istorja ta’ dan il-pajjiż li wasslitna fejn aħna llum il-ġurnata. Din il-ġrajja, taqbel jew ma taqbilx magħha, kienet l-ewwel pass tanġibbli lejn l-emanċipazzjoni kostituzzjonali u politika tal-poplu Malti. Kienet ġrajja li wasslet biex pajjiżna mhux biss jitlaq mill-monarkija Ingliża bħala l-Kap tal-Istat imma wkoll li jeħles minn kull irbit militari li kellu dak iż-żmien. 

Huwa minnu li fil-perjodu twil li pajjiżna għamel maħkum mill-barrani, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kienu jħossuhom ta’ klassi inferjuri għall-barranin, iżda huwa minnu wkoll li dan il-perjodu nissel fina tradizzjonijiet u fatturi oħra li llum il-ġurnata qed ingawduhom kif jixraq.

Minkejja kull ħakma barranija li kellna f’pajjiżna, missirijietna dejjem kienu poplu magħqud li meta waslet is-siegħa tal-prova wera li huwa wieħed li ma jibżax jiddefendi l-interess nazzjonali. Meta l-poplu ħassu kkalpestat minn dawk li afda fittmexxija, ma ddejjaq xejn jirribella.

Kelli diversi ġrajjiet ta’ għaqda fost il-poplu tagħna, fosthom fl-Assedju l-Kbir u l-għoti tal-George Cross biex wieħed jirrealizza kemm f’epoki differenti, missirijietna dejjem poġġew l-interess ta’ pajjiżhom fuq quddiem nett tal-aġenda tagħhom anki f’ċirkostanzi fejn ħajjithom tpoġġiet f’riskju.

Għalhekk, fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li kull festa nazzjonali għandha tkun is-simbolu tal-għaqda nazzjonali, xi ħaġa li pajjiżna tant għandu bżonn u anke l-President ta’ Malta tinsisti ħafna dwarha. Nemmnu li dawn huma festi mhux ta’ xi partit jew ieħor. Dawn huma festi tal-poplu. 

L-Indipendenza hi festa ta’ kulħadd, l-istess kif inhi r-Repubblika u l-Ħelsien. Għalhekk huwa importanti li dawn il-kisbiet li saru, ngħixuhom verament fl-għaqda favur il-Maltin u l-Għawdxin. Dan nemmnuh bis-sħiħ għaliex bl-għaqda fost il-poplu jista’ pajjiżna jkompli jkattar il-ġid li jwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar milli kellu s’issa.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport