Monday, December 30, 2024

Il-festi… qed jitħassru u jiddiġeneraw … sfreġju għax spiċċaw burdell iddettat mill-flus u l-pjaċir

Bżonn ta’ tindifa papali qabel ikun tard wisq?

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn festa għal oħra. Jum wara jum insegwu u nosservaw fejn sejrin il-festi tagħna – dikjarati mill-UNESCO ftit ilu bħala wirt dinji tal-umanità. Taqta xi ftit festi li verament għadhom tradizzjonali u li tgħoddhom fuq id waħda, qegħdin naraw il-festi tagħna jitħassru u jiddiġeneraw. Hemm okkażjonijiet fil-festi tagħna li tista’ tinduna li ġabu l-festa burdell sħiħ. Burdell iddettat mill-pjaċir, mill-qżież u l-flus.

Qiegħed dejjem aktar jinħass li l-kontroll intilef kompletament. Il-festa qiegħda hemm għal kulħadd, tfal, żgħażagħ, adulti u familji. Imma f’kull mument ta’ xi festi f’pajjiżna tista’ tħalli t-tfal igawdu l-festa mingħajr ma titħasseb. Ix-xorb, is-sokor, u l-kliem ħażin saru l-ordni tal-ġurnata. Dan biex ma ngħidux id-drawwa li dieħla ta’ tipjip ta’ sustanzi oħra fl-istess marċijiet. U dawn l-elementi jissaħħu aktar kif jintemmu l-marċi u jibdew il-fenomeni li faqqsu fl-aħħar snin. Dak ta’ parties jew spettaklu, għidlu li trid, li qegħdin isiru wara l-marċi. Prattikament dawn huma okkażjoni oħra għal aktar żagħbil. Spettakli li jsiru b’DJ’s idoqqu l-mużika sa kmieni filgħodu. Mad-diski kultant jintefa’ marċ bi kliem kollu tgħajjir u nibqgħu għaddejjin. Għax x’inhu l-importanti?. Li kulħadd idawwar lira. Tal-ħwienet u l-bars jaraw kif itawlu u jisfruttaw l-okkażjoni biex idaħħlu lira żejda.

Li sar importanti hu li ndaħħlu lira ta’ malajr. Oħroġ il-bars barra, itfa’ mużika għolja anke jekk hemm il-banda għaddejja, u ejja ħa nmorru. Kakofanija sħiħa ta’ storbju li jtarrax. Tistgħu tgħidulna din x’kultura hi! U l-mistoqsija tiġi waħidha – kif il-kumitati, il-każini, u għaqdiet qegħdin jagħlqu għajnejhom u jħallu dan isir. Fejn hi l-Għaqda Każini tal-Banda? Fejn huma dawk li jirrappreżentaw l-interessi tal-festi Maltin?

Il-festa għandha tinbidel u tevolvi maż-żmien….imma l-ispirtu tal-festa irid ikun salvagwardjat

Irridu nammettu li matul is-snin il-festi tagħna evolvew. Jekk illum inħarsu lejn l-armar tal-festi, kemm pavaljuni u anke armar ieħor, naraw li evolvew. Anke is-sehem tal-baned evolva u jinbidel skont iż-żmien, tant li llum qegħdin naraw baned itellgħu programmi diversi. Min ħalla programm klassiku, min daħħal il-logħob tan-nar, oħrajn daħħlu l-kantanti. Evoluzzjoni li żammet il-karattru. L-istess ħaġa il-piroteknika. L-evoluzzjoni se tkompli għax fuq kollox huma in-nies li jagħmlu l-festi. Il-festa mhi xejn għajr l-espressjoni kulturali tal-poplu.

Waqt li nifhmu dan irridu nżommu f’moħħna li l-bażi tal-festa hu l-element reliġjuż u sagru. Dan hu l-ispirtu tal-festa. Ovvjament l-element reliġjuż u sagru jitwaħħad mal-aspett taċ-ċelebrazzjoni esterna u flimkien jagħmlu l-festa dik li hi. Iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi u dawk esterni imorru flimkien. Ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. La darba jinfirdu, il-festa tibda tieħu aktar xejra ta’ burdell u l-ispirtu vera tal-festa jibda jmut.

Ekonomija

Sport