Monday, December 15, 2025

IL-FESTI TAL-MILIED U S-SOLITUDNI 

Aqra wkoll

Qegħdin fl-istaġun festiv tal-Milied. Huma ħafna dawk li jħossuhom imħassba u mbeżża’ mis-solitudni li taħkimhom matul dawn iż-żminijiet. Iħossu l-ansjetà taħkimhom. Proprju matul dawn iż-żminijiet Caritas Malta tkun għaddejja bit-tħejjijiet għall-ikla ta’ Jum il-Milied fil-Kurja għan-nies li ma jkollhomx ma’ min iqattgħu. Dan bil-għan li Caritas Malta tagħtihom wens madwar il-mejda tal-ikel.

Għal bosta minna dan iż-żmien tas-sena fortunatament ifisser festini u ikliet mal-qraba u l-ħbieb, kanzunetti ferrieħa fuq ir-radju, rigali u xewqat tajba li nagħtu u nirċievu. Huwa żmien ta’ ferħ.

Madanakollu, irridu niftaku li dan iż-żmien partikolari mhuwiex l-istess għal kulħadd. Dan hekk kif issib xi persuni li, sfortunatament, għalihom dan il-perjodu ikun wieħed diffiċli. Dan għal ħafna raġunijiet differenti fosthom telfa jew firda ta’ xi għażiż jew għażiża, jew għax ikunu jgħixu ‘l bogħod mill-qraba jew ħbieb, jew anke kawża ta’ iżolament soċjali.

Meta tkun għaddej minn problemi personali u tagħżel li ma taqsamhom ma’ ħadd, is-silenzju tiegħek joħloq vojt bejnek u bejn dawk ta’ madwarek. Minflok, għandek tagħmel sforz biex tiffoka fuq l-affarijiet li jġibu lilek u lil ta’ madwarek flimkien billi tiċċelebra l-affarijiet li jgħaqqdukom u tagħżel li taħfer f’każ li jkun hemm affarijiet li jkunu kkawżaw kunflitt u distanza. Dan ifisser li terġa’ tfassal il-Milied tiegħek b’mod li timmassimizza l-ferħ tiegħek u ta’ dawk ta’ madwarek.

Jekk toqgħod tirrifletti tinnota li kwalunkwe fattur li tidentifika li jikkawża sentimenti ta’ ansjetà, kull ħaġa li ġġiegħlek tħossok waħdek fil-Milied, dawn kollha jistgħu jitqiesu bħala opportunitajiet biex titgħallem dwar l-aġir tiegħek u opportunitajiet li jista’ jkun hemm kif tirreaġixxi b’mod differenti.

Il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, għalhekk nistgħu nagħżlu l-hena. Il-kuntentizza hija l-libertà u l-ewwel pass lejn il-libertà hija l-‘kuxjenza’. Għal ħafna nies, anke l-idea tal-istaġun tal-festi qrib u l-ħsieb tas-solitudni matul il-Milied, iqanqlu sentimenti ta’ stress u ansjetà.

Nammettu lkoll li l-Milied sar kummerċjalizzat ħafna. Niġu bbumbardjati b’immaġini u reklamar li jwassluna biex nemmnu li l-kuntentizza tagħna fil-Milied għandha tidher b’ċertu mod. 

Ir-realtà hija li hawn individwi li jkunu qegħdin isibuha diffiċli finanzjarjament biex jgħaddu sal-aħħar tas-sena. Forsi huwa mument biex nikkonsidraw ir-realtajiet u l-kapaċitajiet. Jekk ma tistax tixtri rigali bħalma għamilt fis-snin ta’ qabel m’għandekx tinkwieta. Tista’ tagħżel li tkun kreattiv u tagħti rigali żgħar iżda sinjifikattivi.

L-għażliet tiegħek mhumiex tajbin jew ħżiena, huma personali… huma dritt tiegħek. Ħafna nies jistgħu jħossu sens akbar ta’ solitudni u disprament matul il-Milied għax ma jkunux mal-maħbubin tagħhom jew ma jkollhomx ħafna nies madwarhom. 

Madankollu dejjem hemm nies li lesti jagħtu appoġġ u jgħinuk terġa’ tixref tbissima fuq fommok. Huwa importanti li titkellem dwar is-sentimenti tiegħek.

Il-Milied jista’ jkun opportunità biex tagħżel li tfittex appoġġ. Jista’ jkun żmien ta’ fejqan, żmien biex titkellem u tħossok ‘konness’ minflok ‘iżolat’. Hemm ħafna għaqdiet lokali, riżorsi u nies ippreparati li jgħinuk issib appoġġ. Kuraġġ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport