Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru, Dr Lydia Abela se tkun qed tmexxi inizjattiva biex, flimkien mal-Gvern ta’ Malta, tippromwovi iktar għarfien dwar il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali waqt il-festival ‘Nitkellem’.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, Sant’Iermu fil-Belt Valletta se jittrasforma ruħu f’villaġġ ta’ serenità li se joffri spazju għal mument ta’ riflessjoni kif ukoll għal djalogu miftuħ kontra l-istigma u favur għodda prattiċi għal saħħa aħjar.
B’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, SOS Malta, Dar Kenn għal Saħħtek, Special Olympics Malta, l-attriċi Simone Spiteri u l-għawwiem Neil Agius, il-festival se joffri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet tul il-ġurnata kollha.
Bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar, se jittella’ vjaġġ interattiv għall-istudenti li jdawwar il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom fi kliem, ħsejjes u stejjer.
Isegwu diskussjonijiet informali sat-15:00, fosthom dwar l-impatt tar-relazzjonijiet, tal-arti u l-kultura, u tal-ikel fuq is-saħħa mentali. Fit-15:00, l-għawwiem Neil Agius se jmexxi sessjoni ta’ breathwork li tagħti ħiliet importanti għall-ħajja personali u professjonali. Dawn l-attivitajiet huma miftuħa għall-pubbliku kollu.
Fil-17:00 tibda konferenza nazzjonali dwar il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali, fejn professjonisti, attivisti u esperti fil-qasam jiddiskutu esperjenzi u ideat għat-triq ’il quddiem.
Fit-20:00, Kelma Kelma Nota Nota se jwasslu kunċert bit-tema ‘Tesaġerax! Riċetta għal Ħajja Aħjar’ li hija produzzjoni oriġinali li twassal messaġġ b’saħħtu favur soċjetà iktar reżiljenti u ħanina. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn https://bit.ly/Tesaġerax. Id-dħul kollu se jmur b’risq Richmond Foundation.
Il-programm sħiħ tal-attivitajiet jinsab fuq lydiabela.com.