Wednesday, September 10, 2025

Il-festival [IN]VIŻIBBLI: xahar sħiħ ta’ attivitajiet iddedikati għall-ħarsien tas-saħħa mentali u l-benesseri taż-żgħażagħ

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma nedew il-festival [IN]VIŻIBBLI – Well Being Festival, festival ta’ xahar sħiħ ta’ attivitajiet iddedikati għall-ħarsien tas-saħħa mentali u l-benesseri taż-żgħażagħ.

Il-festival, li se jittella’ mill-10 ta’ Settembru – proprju fil-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju – sal-10 ta’ Ottubru, huwa mmexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ f’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ entitajiet, inklużi l-Malta Street Sport Alliance, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, ir-Richmond Foundation, l-MGRM, LGBTI+ Gozo, Willingness u Saydon Studios. Dan l-isforz konġunt għandu l-għan li jipprovdi spazji sikuri u kreattivi fejn iż-żgħażagħ, il-ġenituri, u l-youth workers jistgħu jegħlbu l-istigma marbuta mas-saħħa mentali u jesploraw it-tifsira tar-reżiljenza u l-benesseri.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “Bħala soċjetà, irridu nibdlu n-narrattiva dwar is-saħħa mentali fejn m’għandniex iktar naċċettaw kultura tas-silenzju imma nkomplu nenfasizzaw fuq l-importanza tal-empatija u s-sostenn. Dan il-festival huwa strument importanti sabiex ikompli jżid l-għarfien dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali u fl-istess waqt jgħaddi messaġġ ċar: li ż-żgħażagħ tagħna huma importanti, viżibbli u huma l-futur ta’ pajjiżna u m’għandhom qatt jibqgħu siekta.”

Min-naħa tagħha, Miriam Teuma sostniet li, “L-għan aħħari tagħna huwa li noħolqu soċjetà fejn il-prevenzjoni, ir-reżiljenza u l-għarfien dwar is-saħħa mentali jsiru parti mill-kultura tagħna. [IN]VIŻIBBLI mhuwiex biss festival, imma għodda ta’ empowerment u tama. Permezz ta’ dan il-festival, qed inħeġġu d-diskussjoni, inqajmu l-kuxjenza u noffru opportunitajiet reali għat-tkabbir personali u l-espressjoni kreattiva. Huwa kruċjali li nkomplu naħdmu flimkien biex inżommu l-benesseri taż-żgħażagħ fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali.”

Hija rringrazzjat lill-kollaboraturi kollha għall-appoġġ u l-impenn, u ħeġġet lill-pubbliku u liż-żgħażagħ kollha biex jieħdu sehem u jipparteċipaw f’dan il-vjaġġ kollettiv lejn soċjetà aktar konxja u appoġġjattiva.

Matul il-festival ser jittellgħu bosta inizjattivi varjati, inklużi workshops taż-żfin u t-teatru, sessjonijiet ta’ għajnuna għall-ġenituri u għal dawk li jappoġġjaw lill-komunità LGBTIQ+, laqgħat għal youth workers, sensory walks, open mic sessions, u attivitajiet oħra ta’ esplorazzjoni u riflessjoni. L-attivitajiet jindirizzaw diversi aspetti tal-benesseri mentali, mill-espressjoni kreattiva sal-appoġġ professjonali. Il-festival jagħlaq fl-10 ta’ Ottubru – il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, u jfakkar li s-saħħa mentali m’għandhiex tiġi limitata għal ċertu żmien jew ċirkustanza, iżda hija prijorità kontinwa.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-siti soċjali ta’ Aġenzija Żgħażagħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport